Il-Ministru tal-Finanzi spiċċa jħawwad fin-numri tiegħu stess għad-detriment tan-negozji Maltin u Għawdxin. Dan meta fl-aħħar jiem prova jattakka l-proposta tal-PN dwar it-tnaqqis fil-VAT għas-settur tal-catering. Bil-Ministru jispiċċa jikkontradixxi ċ-ċifri li kien ta hu stess ftit tax-xhur ilu.
Fi kliem sempliċi – akkost li ma jaqbilx mal-proposta tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Caruana mhux qed jaqbel man-numri li qed jikkwota hu stess. Dan wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg wiegħed li jnaqqas ir-rata ta’ VAT għall-istabbilimenti tal-catering, kiosks u ristoranti minn 18% għal 7%.
Lura f’Ottubru 2025, ċioè 5 xhur ilu biss, il-Ministru Caruana kien qal mat-Times of Malta li jekk il-Gvern idaħħal din il-proposta se tkun qed tiswieh €80miljun.
Iżda tul il-jum tat-Tlieta – 22 ġimgħa wara – spiċċa jgħid li din se tiswa aktar minn €143 miljun. Kważi d-doppju! Diskrepanza ta’ xejn inqas minn €60 miljun li jkun ifisser li l-ammont ta’ VAT miġbura sploda b’madwar 79% aktar, fi ftit ġimgħat.
Taħwid u numri mhux ċari. U fl-aħħar mill-aħħar, l-unika ċertezza li hemm hi li l-Ministru Clyde Caruana u l-bqija tal-Gvern ta’ Robert Abela ma jridux inaqqsu r-rata ta’ VAT lil dawn l-eluf ta’ negozji – fejn diversi minnhom huma negozji tal-familja.
//= $special ?>

