Internazzjonali

Iran: Diskors konfliġġenti dwar in-negozjati

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed jgħid li l-Iran qabel li ma jkollu qatt il-bomba jew missila nukleari …Fl-istess ħin, iżda, l-Iran qed jiċħad dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Washington. U qed jgħid li l-Istati Uniti qed tinnegozja magħha inifisha… u li qatt mhu se jasal fi ftehim ma’ persuna bħal Trump.

Il-President Amerikan tkellem ukoll dwar bidla fir-reġim li qed imexxi lill-Iran, b’dawn il-kummenti jingħataw anqas minn 48 siegħa wara li l-Uffiċjali f’Teheran kienu ċaħdu li saru kuntatti sinifikanti mar-rappreżentanti ta’ Washington.

L-Iranjani qed isostnu anki li Trump irid jimmanipula is-swieq taż-żejt bil-fake news; fost rapporti li l-Amerikani, issa, ressqu pjan għall-paċi lill-Iranjani li hu mqassam fuq 15-il punt.

Il-pjan ma kienx iddettaljat iżda l-indikazzjonijiet huma li l-Istati Uniti trid bilfors li l-Iranjani jżarmaw il-faċilitajiet nukleari tagħhom bi skambju mat-tneħħija tas-sanzjonijiet.

Fi żviluppi oħra…Donald Trujmp approva l-istazzjonar ta’ aktar minn 1,000 suldat addizzjonali fil-Lvant Nofsani u li jiffurmaw parti mill-82nd Airborne Division tal-militar Amerikan. Dawn it-truppi, għalissa, ma telqux mill-Istati Uniti iżda r-rilokazzjoni tagħhom kapaċi tibda matul il-ġranet li ġejjin.

Il-Pakistan, intant, qed iservi bħala medjatur potenzjali bejn l-Istati Uniti u l-Iran – b’talaħħar mhumiex jikkommettu ruħhom għal djalogu fit-tul.

Fl-istess ħin, l-offensiva mlaqqma ‘Operation Epic Fury’ qed tkompli bil-għan li jintlaħqu l-iskopijiet militari tal-Pentagon.