It-tnaqqis tar-rata tal-VAT minn 18% għal 7% għall-istabbilimenti tal-catering, ristoranti u kiosks li l-Partit Nazzjonalista qed jimbotta ‘l quddiem, hija importanti ferm…u hi essenzjali mhux biss għat-titjib tan-negozji iżda wkoll għall-kompetittività.
Sostna dan is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni tal-Catering Matthew Pace hekk kif insista li pass bħal dawn huwa importanti għas-sostenibbiltà tal-industrija. Fejn spjega li preżentament, f’kuntrast mal-pajjiżi ġirien, f’Malta għandna l-ogħla rata ta’ VAT għal dan is-settur.
Filwaqt li insista li t-taħdidiet mal-Gvern għadhom għaddejjin, Pace spjega li għal dawn l-aħħar 5 snin l-ACE ilha tisħaq dwar dan it-tnaqqis – li flimkien miegħu tiddaħħal sistema fejn it-taxxa titħallas direttament u minnufih lill-Gvern mingħajr xkiel żejjed.
Matthew Pace sostna li filwaqt li l-Ministru Clyde Caruana stqarr li matul l-2025 l-Gvern daħħal madwar €234 miljun f’VAT mill-istabbilimenti tal-catering, skont dawn il-proposti li ppreżentawlu sentejn ilu….il-Gvern saħansitra kien idaħħal aktar.
Intant, Pace fakkar li dan it-tnaqqis fir-rata tal-VAT mhux biss ikun ta’ benefiċċju għan-negozji, li jammontaw għal aktar minn 4,000 iżda wkoll benefiċċju għal madwar 30,000 ħaddiem li din l-industrija timpjega.
L-ACE temmen li dan is-suġġett għandu jkun evitat milli jiġi magħmul bħala ballun politiku u li jeħtieġ qbil bejn iż-żewġ partiti għall-ġid tal-industrija.
//= $special ?>
