Fl-aħħar tnax-il sena, il-Lussemburgu għamel qabża storika fil-futbol internazzjonali, billi tela’ 93 post fir-rankings tal-FIFA. Minn pajjiż li darba kien jitqies bħala wieħed mill-aktar dgħajfa fl-Ewropa, illum sar tim rispettat li ħadd ma jrid jissottovaluta.
Il-Lussemburgu, pajjiż fil-qalba tal-Ewropa li jmiss ma’ Franza, il-Belġju u l-Ġermanja, għandu popolazzjoni żgħira iżda infrastruttura sportiva moderna u riżorsi ferm akbar minn Malta. Minkejja dan, il-progress tiegħu fil-futbol ma ġiex b’kumbinazzjoni, iżda permezz ta’ viżjoni ċara, investiment fit-tul u politika sportiva kuraġġuża.

Il-bidla bdiet taħt il-kowċ Luc Holtz, li mexxa lit-tim bejn l-2010 u l-2025. Huwa mexxa trasformazzjoni teknika u mentali li wasslet lill-Lussemburgu mill-196 post fl-2006 sal-82 post fl-2018. Illum, taħt il-kowċ Jeff Strasser, eks plejer internazzjonali u eks difensur ta’ Borussia Mönchengladbach, il-pajjiż jinsab fil-102 post, filwaqt li Malta tinsab fil-161. Strasser hu magħruf għall-approċċ serju tiegħu, organizzazzjoni difensiva soda u l-abbiltà li jimmotiva plejers minn sfondi differenti.
Dan l-aħħar punt hu kruċjali: il-Lussemburgu bena s-suċċess tiegħu fuq tim multikulturali. Ħafna mill-plejers tiegħu twieldu jew trabbew barra, jew għandhom dixxindenza barranija li tatlhom id-dritt għal passaport Lussemburgiż. Xi wħud ġew identifikati minn scouts u ngħataw iċ-ċittadinanza biex isaħħu l-livell tat-tim. Din il-politika, għalkemm tqajjem dibattitu dwar l-identità sportiva, tat frott kbir.
Fost il-plejers ewlenin hemm:
Laurent Jans, captain ta’ 33 sena b’aktar minn 120 partita internazzjonali, li jilgħab fil-Pro League Belġjan.

Leandro Barreiro, midfielder ta’ 26 sena li jilgħab ma’ Benfica, twieled fil-Lussemburgu minn ġenituri mill-Angola u Franza, u għandu valur ta’ €15-il miljun.

Yvandro Borges Sanches, ta’ 21 sena, b’dixxindenza minn Cape Verde u Portuga, jilgħab fl-Olanda ma’ Heracles Almelo.

Danel Sinani, imwieled fis-Serbja, ilu jgħix fil-Lussemburgu minn meta kellu ħames snin u jilgħab ma’ FC St. Pauli fil-Bundesliga.

Christopher Martins Pereira, b’oriġini minn Cape Verde u Franza, jilgħab ma’ Spartak Moskow.

Il-preżenza ta’ dawn il-plejers, flimkien ma’ lista twila ta’ aktar ismijiet oħra interessanti, imħarrġa f’sistemi professjonali fil-Ġermanja, Franza u l-Belġju ġabet esperjenza, dixxiplina u livell tekniku ogħla. Dan wassal biex il-Lussemburgu jikseb riżultati storiċi kontra pajjiżi ferm akbar, fosthom rebħiet kontra l-Iżlanda (3-1 fl-2023), l-Iżvezja (1-0 fl-2025), u l-Irlanda (1-0 fl-2021), kif ukoll draw ta’ 3-3 kontra t-Turkija fl-2022.
Iżda wara kull suċċess hemm viżjoni. Din kienet ta’ Paul Philipp, eks plejer internazzjonali u President tal-Federazzjoni Lussemburgiża tal-Futbol mill-2012. Philipp mexxa proġett ambizzjuż biex jimmodernizza l-istrutturi tal-futbol, jissaħħu l-akkademji tat-tfal u jinbena netwerk ma’ klabbs professjonali fil-Ġermanja, Franza u l-Belġju. Dan ippermetta lit-talent żagħżugħ jimxi lejn kampjonati aktar b’saħħithom u jissaħħaħ il-livell professjonali tal-plejers nazzjonali.
Philipp investa wkoll fl-infrastruttura, inkluż pitches sintetiċi moderni u l-bini tal-istadium nazzjonali l-ġdid, Stade de Luxembourg. Huwa studja l-mudell tal-Islanda, li wera kif pajjiż żgħir jista’ jikseb suċċess billi jinvesti fil-kowċing u fl-iżvilupp tat-tfal.
Importanti wkoll kienet il-politika tiegħu li jintegra l-komunità kbira ta’ immigranti fil-pajjiż, li tammonta għal madwar 50% tal-popolazzjoni. Il-federazzjoni bdiet tagħmel scouting fost dawn il-komunitajiet, speċjalment fost dawk ta’ oriġini Portugiża, minn Cape Verde u mill-Balkani. Philipp ħaddan il-multikulturaliżmu bħala sors ta’ saħħa, u dan bidel kompletament il-profil tat-tim nazzjonali.
Illum, il-Lussemburgu m’għadux tim dgħajjef iżda eżempju ta’ kif viżjoni, organizzazzjoni u kuraġġ jistgħu jittrasformaw pajjiż żgħir f’wieħed kompetittiv. Għalkemm Malta għandha realtajiet differenti, il-lezzjoni hi ċara: investiment fit-tul, strutturi professjonali u miftuħija lejn talent ta’ livell għoli huma l-bażi tas-suċċess. Il-Lussemburgu wera li anke pajjiż żgħir jista’ jikteb storja kbira fil-futbol Ewropew.
//= $special ?>

