L-interess nazzjonali għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox fil-ħatriet kostituzzjonali.
F’diskors fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg saħaq fuq l-importanza tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali bħala pilastru ewlieni tad-demokrazija u gwardjan tal-fondi pubbliċi.
Alex Borg irringrazzja lill-Awditur Ġenerali, lid-Deputat Awditur Ġenerali u lill-ħaddiema kollha tal-uffiċċju għas-servizz tagħhom lejn il-pajjiż, filwaqt li tenna li dan l-uffiċċju għandu jkun imsaħħaħ bl-aqwa riżorsi u persuni ta’ integrità biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu b’mod effettiv u indipendenti.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista enfasizza li f’ħatriet ta’ karigi kostituzzjonali bħal din, l-interess nazzjonali għandu jiġi qabel kollox.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni wera r-rieda tal-Partit Nazzjonalista li jaqbel mat-tibdil neċessarju biex jiġi żgurat li l-Awditur Ġenerali jkun jista’ jkompli fil-kariga sakemm jinħatar suċċessur, iżda fl-istess ħin saħaq li ma jistax jibqa’ jkun hemm logħob b’karigi tant importanti.
Alex Borg fakkar li kulħadd kien jaf li t-terminu tal-Awditur Ġenerali kien se jispiċċa f’inqas minn ġimgħa oħra u u l-interess nazzjonali jitlob li ħatriet bħal dawn jingħataw l-importanza mistennija.
Huwa appella lill-Prim Ministru biex jiftaħ diskussjoni serja u immedjata biex jintlaħaq qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, kif jitlob il-prinċipju ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi.
Alex Borg qal li l-poplu jistenna serjetà u sens ta’ responsabbiltà mill-politiċi. Hu sostna li ma nistgħux nitkellmu fuq l-interess nazzjonali u mbagħad, meta jasal il-mument kruċjali, inpoġġu l-interessi partiġjani qabel kollox.
Huwa temm billi tenna li se jibqa’ jestendi l-id tal-kollaborazzjoni fl-interess ta’ Malta u Għawdex, u appella biex il-politika tkun immexxija minn sens ta’ għaqda u responsabbiltà lejn il-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>

