Waqt li fl-2023, 80.7% tal-popolazzjoni tal-UE kienet konnessa ma’ sistemi ta’ trattament tad-drenaġġ, Malta waqgħet għal livell miżeru ta’ 7.1% – kuntrast qawwi mal-kisbiet li saru sa 13-il sena ilu.
Malta llum tinsab fl-aħħar post fl-Unjoni Ewropea fejn jidħol it-trattament tad-drenaġġ, f’sitwazzjoni li turi d-deterjorament kbir li seħħ f’dan is-settur vitali f’dawn l-aħħar 13-il sena.
Hekk sostnew fi stqarrija, ix-Shadow Ministers Mark Anthony Sammut, Rebekah Borg u Eve Borg Bonello fejn qalu kif skont statistika tal-Eurostat ippubblikata għall-Jum Dinji tal-Ilma, il-medja tal-UE għat-trattament sekondarju tad-drenaġġ telgħet għal 80.7% fl-2023.
Madankollu, Malta mhux biss tinsab ‘il bogħod ħafna minn pajjiżi bħall-Olanda (99.6%) u l-Awstrija (99.1%), iżda tinsab ukoll f’distakk enormi minn pajjiżi li kienu warajna, bħar-Rumanija (54.7%) u l-Irlanda (65.7%).
Sostnew kif l-ironija hija li Malta ma kinitx dejjem f’din il-pożizzjoni. Fil-fatt, kien grazzi għall-viżjoni u l-investiment ta’ Gvern Nazzjonalista li, fl-2011, Malta saret l-ewwel pajjiż fil-Mediterran li kien qed jittratta d-drenaġġ kollu tiegħu qabel ma jintefa’ fil-baħar. Dak iż-żmien, Malta kienet meqjusa bħala mudell għall-bqija tal-Ewropa b’rata ta’ konnessjoni u konformità li kienet qrib il-100%.
L-istess statistika tal-Eurostat fl-2011 kienet turi li din ir-rata f’Malta dakinhar kienet taqbeż id-90%. Mill-2014 ’l hawn, din ir-rata bdiet dejjem nieżla sa ma niżlet għar-rekord negattiv ta’ 7.1% biss fl-2023, wara 10 snin ta’ Gvern Laburista.
Dan ġara minħabba:
- Nuqqas ta’ investiment: Is-sistema ma ġietx imtejba biex tlaħħaq maż-żieda qawwija fil-popolazzjoni
- Nuqqas ta’ manutenzjoni: L-impjanti tħallew jiddgħajfu, b’konsegwenza li l-kwalità tat-trattament waqgħet drastikament.
Waqt li l-medja Ewropea żdiedet bi 3.4 punti perċentwali mill-2013 sal-lum, Malta għamlet pass kbir lura. Minn pajjiż li kien fil-quċċata tal-klassifika qabel l-2013, illum ninsabu umiljati b’rata ta’ 7.1% biss. Din il-waqgħa hija xhieda ta’ kif il-Gvern Laburista abbanduna l-ambjent u s-saħħa tal-baħar tagħna, u kif anke f’xi ħaġa daqshekk bażika għandna Gvern li jimxi b’management-by-crisis.
Din l-istatistika dwar it-trattament tad-drenaġġ, flimkien mal-fatt li skont statistika oħra li ħarġet aktar kmieni din il-ġimgħa stess Malta tinsab fl-aħħar post ukoll fl-enerġija li tiġġedded b’16% biss, tkompli tħammar wiċċ il-Gvern Laburista u tikkonferma li f’dawn l-aħħar 13-il sena, il-pajjiż tilef id-direzzjoni tiegħu lejn l-iżvilupp sostenibbli u l-kwalità tal-ħajja li jixirqilhom il-Maltin u l-Għawdxin.
L-istatistika dwar il-popolazzjoni Ewropea konnessa ma’ sistemi tat-trattament tad-drenaġġ hija importanti għax tindika xi progress qed isir mill-UE b’rabta mal-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli fejn għandu x’jaqsam mal-ilma nadif, l-iġjene u s-sanità, bl-iskop li titjieb il-kwalità tal-ilma u l-effiċjenza fl-użu ta’ dan ir-riżors imprezzabbli.
//= $special ?>

