Permezz tal-midja soċjali tiegħu, Mohamed Salah ħabbar li se jkun qed jitlaq lil Liverpool fi tmiem dan l-istaġun, wara disa’ snin li jistgħu jitqisu bħala ta’ success għall-fenomenu Eġizzjan li f’Ġunju li ġej jagħlaq 34 sena. Salah, li ngħaqad mar-Reds fl-2017 mingħand Roma, kien ġedded il-kuntratt tiegħu l-istaġun li għadda b’sentejn.
Matul dan iż-żmien kollu li għamel jilgħab ma’ Liverpool, Salah sar wieħed mill-aqwa plejers fl-istorja tal-klabb b’255 gowl f’435 dehra. L-aħbar li Salah se jkun qed iħalli lil Liverpool tasal bħala sorpriża għal bosta partikolarment għaliex l-attakkant u skorer prolifiku, kien għad fadallu sena oħra kuntratt ma’ Liverpool, madankollu l-plejer ħa deċiżojni li kien wasal il-mument li jagħlaq kapitlu straordinarju f’Anfield.
Hu mistenni li Salah jilgħab l-aħħar logħba tiegħu ma’ Liverpool, jew f’dik li għandha tkun l-aħħar partita tal-Premier League dan l-istaġun, kontra Brentford fl-24 ta’ Mejju jew kemm il-darba Liverpool jkomplu javvanzaw sal-aħħar fil-UEFA Champions League, u jaslu sal-finali ta’ din il-kompetizzjoni, b’finali li tintlagħab f’Budapest nhar it-30 ta’ Mejju.
F’messaġġ emozzjonanti fuq Instagram, Salah rringrazzja lill-partitarji ta’ Liverpool għall-appoġġ tagħhom fiż-żminijiet tajbin u diffiċli, u qal li l-klabb, il-belt u n-nies saru parti minn ħajtu. Hu temm billi qal li Liverpool dejjem se tibqa’ d-dar tiegħu u li “qatt m’hu se jimxi waħdu.”
//= $special ?>

