Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
Il-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħfas il-pedala tal-gass fuq il-propoganda aktar minn qatt qabel. Huwa ironiku tassew li f’daqqa waħda jrid juri sens ta’ kuxjenza ambjentali wara snin sħaħ li fihom l-ambjent ġie mogħti l-ġenb għalkollox. L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) naqset milli tqis l-importanza vitali tal-ambjent li ngħixu fih u rat biss mil-lum għal-lum, għax hekk iddettalha l-Gvern li jrid ikompli għaddej isaħħaħ l-ekonomija mingħajr viżjoni fit-tul.
Jidher li bħalissa l-kwistjoni ta’ Manoel Island hija l-prijorità fil-lista tal-propoganda Laburista, u fl-istess waqt irid jieħu l-mertu kollu hu meta dan mhux għalkollox minnu.
Mela, il-kwistjoni ta’ Manoel Island hija ħafna aktar kumplessa minn kif qed jipprova jpinġiha l-Gvern Laburista llum. Minkejja li l-Prim Ministru Robert Abela qed jgħid li din hija medda ta’ art li l-Gvern Laburista rebaħ lura, il-verità storika turi li dan il-proċess kien frott snin twal ta’ pressjoni minn diversi għaqdiet u l-pubbliku inġeneral, fosthom is-soċjetà ċivili, l-NGOs, diversi politiċi min-naħat differenti u anki inizjattivi lokali.
Ironikament, din l-għajta favur Manoel Island bdiet saħansitra qabel Abela sar Prim Ministru jew addirittura sar Membru Parlamentari.
Fil-fatt, il-konċessjoni ta’ Manoel Island tmur lura għas-sena 2000, meta kienet ingħatat lill-kumpanija MIDI taħt l-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Dak iż-żmien kien hemm ftit oppożizzjoni politika, jiġifieri lanqas il-Partit Laburista ma oppona jew oġġezzjoni, iżda kien hemm vuċi ċara mill-NGOs ambjentali li diġà kienu qed iwissu dwar spekulazzjoni u żvilupp eċċessiv.
Tajjeb ngħidu, li lura għas-sena 2000, l-iżvilupp fil-pajjiż ma kienx għaddej bir-rata mgħaġġla tal-lum, u allura x-xenarju kien kompletament differenti. Mela, l-oppożizzjoni għall-iżvilupp fuq Manoel Island ma bediex illum, u lanqas taħt Gvern Laburista.
Matul is-snin, il-pressjoni biex Manoel Island jerġa’ jingħata lill-pubbliku kompliet tikber, speċjalment minn organizzazzjonijiet bħall-Moviment Graffitti u Flimkien għal Ambjent Aħjar, flimkien ma’ eluf ta’ ċittadini li ffirmaw numru ta’ petizzjonijiet. Kampanja waħda biss ġabret madwar 29,000 firma favur li l-gżira tinbidel f’park nazzjonali u ma tibqax allokata għall-iżvilupp.
Din biss hija evidenza ċara biżżejjed li dak li qiegħed jipprova jieħu l-mertu tiegħu l-Gvern ma kinetx inizjattiva ta’ Robert Abela jew il-Gvern Laburista tal-lum, iżda r-riżultat ta’ snin twal ta’ kampanja favur l-idea li din il-medda art tkun lura għand il-poplu.
Mingħajr ma ndur mal-lewża, irrid insemmi li figura importanti f’din il-ġlieda kien Conrad Borg Manchè li sa mill-2016 ħa azzjoni konkreta biex jinfetaħ mill-ġdid l-aċċess għall-pubbliku. Hu kien fost dawk li argumentaw b’mod qawwi li Manoel Island għandu jibqa’ spazju aċċessibbli u protett għall-komunità, u mhux għall-iżvilupp privat.
L-azzjonijiet tiegħu wasslu għat-twaqqif tal-Manoel Island Foundation biex jiġi żgurat li l-interess pubbliku jkun protett qabel kollox. Dan kollu seħħ snin qabel ma l-Gvern beda jitkellem serjament dwar ir-ritorn tal-gżira lill-poplu. Ironikament, Conrad Borg Manchè serva bħala Sindku tal-Gżira f’isem il-Partit Laburista u mbagħad ma baqax jassoċja ruħu mal-istess partit minħabba li l-Labour ma kellux interess li jieħu lura lil Manoel Island.
Bidla ċara fil-pożizzjoni politika tal-Gvern
Importanti wkoll li wieħed jiftakar li Robert Abela stess kien inizjalment kontra l-idea li l-Istat jerġa’ jieħu lura Manoel Island. Hu kien argumenta li tali pass kien se jiswa “mijiet ta’ miljuni” lill-poplu Malti u għalhekk ma kienx vijabbli.
Dan juri bidla ċara fil-pożizzjoni politika tal-Gvern, li ġiet wara pressjoni qawwija pubblika u mhux bħala inizjattiva tiegħu stess u għaliex ried juri li huwa favur l-ambjent, u dan ħabbru mhux bħala parti mill-baġit li tressaq għal din is-sena imma ġimgħa wara fid-diskors tiegħu li kellu jirrispondi għall-kritika ta’ nuqqas ta’ viżjoni ambjentali għall-pajjiż. B’hekk nista’ ngħid li l-kuxjenza ambjentali tiegħu hija biss konvenjenza politika għall-fini tal-propoganda.
Illum, minkejja dawn l-istqarrijiet preċedenti, il-Gvern qed jiftaħar li kiseb ftehim biex Manoel Island jerġa’ lura għand il-pubbliku. Madankollu, dan mhux qed iseħħ “bla ħlas” kif kien implikat jew mixtieq sa ċertu punt. Fil-verità, il-ftehim se jiswa lill-poplu Malti 43 miljun ewro. Dan ifisser li, minkejja retorika politika, il-pajjiż xorta qed iħallas somma sostanzjali biex jirkupra art li kienet diġà tiegħu.
Għaldaqstant, huwa diffiċli li wieħed jaċċetta n-narrattiva li l-Gvern Laburista huwa l-unika raġuni għaliex Manoel Island se jerġa’ jsir spazju pubbliku. Ir-realtà hija li dan kien proċess twil li beda snin ilu, iżda wkoll fejn l-NGOs, attivisti u membri tas-soċjetà ċivili flimkien mal-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienu l-forza prinċipali li żammet il-kwistjoni ħajja.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-każ ta’ Manoel Island għandu jitqies bħala rebħa tas-soċjetà ċivili u tal-pressjoni popolari, aktar milli bħala suċċess esklussiv ta’ xi Gvern partikolari. Il-Gvern bla dubju għandu sehem fil-ftehim finali, iżda ċertament ma kienx l-uniku, u lanqas l-aktar forza determinanti, biex din il-medda ta’ art terġa’ tkun tal-poplu.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 25 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

