Lokali

Pageant fit-toroq ewlenin ta’ Ħad-Dingli

‘IKUN LI TRID INT’, It-Triq Tas-Salib

Fil-qalba tar-raħal pittoresk ta’ Ħad-Dingli nsibu tiddomina l-Knisja Arċipretali ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema.  Biswitha, f’Misraħ Frenċ Abela, hemm is-Sede tal-Għaqda Mużikali Santa Marija li fiha tħaddan il-Kummissjoni Ġimgħa Mqaddsa li għal dawn l-aħħar erbgħa u għoxrin sena ħadet ħsieb torganizza attivitajiet marbuta ma’ dawn iż-żmenijiet, fosthom il-pageant li jiġbed ammirazzjoni kbira.

Din is-sena, il-pageant madwar it-toroq tar-raħal se jsir nhar is-Sibt, 28 ta’ Marzu 2026. Dan jintemm bil-musical ‘Ikun li Trid Int’ miktub mill-Prof. Manwel Mifsud u s-Sa Therese Cassar. Dan kien ittella’ b’suċċess kbir għall-ewwel darba fl-1976 u baqa’ jintlaqa’ tajjeb tant li baqa’ jittella’ taħt forom differenti matul is-snin ta’ wara. 

Nhar it-28 ta’ Marzu, fil-6.15pm jibda l-marċ Ruman miċ-Ċentru Parrokkjali fi Triq il-Knisja li jibqa’ sejjer sas-Sede tas-Soċjetà mużikali f’Misraħ Frenċ Abela, minn fejn wara, jibdew ħerġin il-personaġġi bibbliċi l-oħra.  Se jieħdu sehem ’il fuq minn mitt personaġġ bibliku akkumpanjati mill-Banda Santa Marija tal-istess Għaqda, flimkien mal-gruppi tad-Dingli Scouts, 19th Dingli Girl Guides, u l-Kavallieri tas-Santu Sepulkru.

Il-Banda Santa Marija se ddoqq repertorju ta’ marċi funebri ta’ surmastrijiet Maltin u barranin, fejn permezz ta’ dawn il-marċi se tinħoloq atmosfera li tkompli tikkumplimenta dawn il-mumenti.

Il-pageant se jintemm fi Triq il-Parroċċa bil-musical ‘Ikun Li Trid Int’. Il-musical jinkludi l-14 l-istazzjon tal-Via Sagra li huma interpretati permezz ta’ għanjiet bi kliem oriġinali u mużika li toqrob lejn dik folkloristika. Il-kant sar kollu mill-atturi nfushom flimkien ma’ grupp ta’ mużiċisti minn Ħad-Dingli taħt id-direzzjoni ta’ Diego Attard. Id-direzzjoni artistika hija ta’ Paul Azzopardi megħjun minn Godwin Camilleri.

Il-pageant qiegħed jittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli, tal-Kunsill Lokali Dingli u r-Reġjun Punent.