Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ minn għoli f’residenza fl-Isla

Raġel mill-Fgura spiċċa jissielet għal ħajtu wara li waqa’ minn għoli f’residenza fl-Isla.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar f’residenza fi Triq il-Mina tax-Xatt meta għal xi raġuni r-raġel ta’ 52 sena waqa’ minn għoli waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħol.

Fil-post marru uffiċjali tal-Pulizija, kif ukoll tim mediku tal-ambulanzi sabiex jassisti r-raġel, fejn ittieħed immedjatament b’urġenza l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura u aktar tard ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi serji.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija, flimkien mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Siġurta fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.

Il-Maġistrat Monica Borg Galea qed tmexxi inkjesta.