Iż-Żejtun nieda s-sit elettroniku www.holyweekinzejtun.com pjattaforma diġitali ġdida li qed toffri esperjenza aktar aċċessibbli u organizzata matul il-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira.
Dan il-proġett, frott il-ħsieb ta’ Brian Scicluna flimkien mal-Kunsillier Anton Aquilina. Evolva minn idea sempliċi ta’ flyer li jiġbor lista ta’ wirjiet għal sit “one stop shop” li jiġbor kollox f’post wieħed.
Permezz ta’ dan il-portal, wieħed jista’ jsib informazzjoni dwar wirjiet, pageants, ir-rotta tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, l-istorja tal-vari, kif ukoll sezzjonijiet dedikati għal-letteratura u dettalji dwar l-użanzi u t-tradizzjonijiet marbuta ma’ dawn il-jiem. Is-sit jinkludi wkoll kalendarju ta’ attivitajiet u tagħrif dwar funzjonijiet uniċi bħall-Erbgħa tat-Tniebri u l-użu taċ-ċuqlajta tradizzjonali ‘Idionia’, kif ukoll informazzjoni dwar l-Irxoxt u San Girgor.

Is-sit huwa disponibbli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, sabiex ikun aċċessibbli mhux biss għall-komunità lokali iżda wkoll għall-viżitaturi barranin li jixtiequ jiskopru dan il-wirt kulturali u reliġjuż.
Waħda mill-aktar karatteristiċi innovattivi hija r-rotta ppjanata għas-Seba’ Viżti, esperjenza unika fejn fiż-Żejtun wieħed jista’ jagħmel is-seba’ visti f’seba’ knejjes differenti filwaqt li jdur il-lokalità. Il-websajt tinkludi wkoll mappa interattiva bil-lokazzjonijiet tal-knejjes u tal-wirjiet, li tippermetti lill-viżitaturi jippjanaw aħjar il-mixja tagħhom u jiskopru x’hemm fil-qrib permezz ta’ Google Maps.
F’dinja dejjem aktar diġitali, dan il-portal għandu l-għan li jqarrab il-fidi u t-tradizzjoni lejn in-nies permezz tat-teknoloġija, billi jpoġġi l-informazzjoni kollha f’idejn l-utent — litteralment fil-but ta’ kull min iżur.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur: www.holyweekinzejtun.com




