Lokali Qorti

Tibda l-kumpilazzjoni: L-Isqalli tefa’ pilloli tal-irqad fl-ikel ta’ uliedu

Sqalli ta’ 49 sena jinsab mixli li weġġa’ liż-żewġ uliedu wara li allegatament tefgħalhom pilloli tal-irqad fl-ikel u attakkhom fil-kumpless tal-White Rocks f’Pembroke. Dan ħareġ fil-kumpilazzjoni li bdiet tinstema’ fil-Qorti, l-Erbgħa.

Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Il-prosekuturi qalu li l-inċident seħħ meta r-raġel ħa lil ibnu ta’ 12-il sena u lil bintu ta’ 10 snin jilgħabu bowling f’Paceville u wara ħadhom jieklu l-McDonald’s f’Bay Street, fejn allegatament tefgħa l-pirmli tal-irqad fl-ikel. Aktar tard qal lill-pulizija li għamel dan biex jorqdu fid-dar tiegħu minflok jirritornaw għand ommhom.

L-Isqalli mbagħad ħa lil uliedu l-White Rocks u stqarr li għamel dan għaliex kien dalam u ried lil uliedu jorqdu. Kien hemmhekk fejn il-vjolenza bdiet tippersisti.

It-tifla rnexxielha taħrab minn fuq il-post. Ftit tal-ħin wara, mara li kienet qed issuq fil-Coastroad lemħet lit-tifla ….qaltilha li missierha kien qatel lil ħuha…. u li prova joqtol lilha wkoll.

Qalet li hi ħarbet mill-post għax missierha kien gidimha… u li ħuha kien qalilha, “iġri qabel joqtlok.”

Il-pulizija mbagħad sabu lit-tifel bi ġrieħi serji f’rasu f’binja abbandunata. Hu kien ġie rikoverat l-isptar Mater Dei – iżda kif żevla Net News ġimgħa ilu, m’għadux f’kundizzjoni kritika.

L-akkużat sostna mal-Pulizija li t-tifel weġġa’ wara li waqa’ meta prova jaħrab wara argument li kellu ma’ missieru”

Kien bagħat ukoll messaġġi lill-martu fejn qalilha, “ħu lit-tifla, it-tifel jinsab fil-ġenna.”

Il-Pulizija sabu lill-Isqalli ftit jiem wara moħbi f’karavan wara attentat ta’ suwiċidju. L-investigaturi ppreżentaw ukoll posts fuq il-midja soċjali li jikkonfermaw li prova jneħħi ruħu b’idejh.Matul ix-xhieda, ħu l-missier stqarr li madwar 20 sena ilu, l-istess missier prova jitgħallaq u kien ħuħ li salvah. Fl-istqarrija tal-missiir hu, qal li ma setgħax ikun li jagħmel xi ħaġa hekk fuq uliedu. Fil-karavan tal-akkużat instabu ħabel u marki tad-demm. B’rabta mal-fatt li ma rnexxilux jitgħallaq, fil-Qorti r-raġel qal “Ma nafx kif ma rnexxilix, jew għax il-ħabel kien baxx, jew għax ma ħadimx. Għalija kien miet [għall-ibnu], u kont qed nistenna li mmut jien”,

Il-missier stqarr li nqabad f’batibekk mat-tifel tiegħu waqt li kien qed idur bihom lejn in-naħat ta’ Pembroke u waqqaf il-vann, fejn hu agħfas it-tifel miegħu u sussegwentement qallu “Ħallini!”. Hu qal li ma jafx x’ġara dak il-ħin, għax “ħaġa ġġib lill-oħra”.It-tifla niżlet mill-vann, bdiet tagħti lil missierha bis-sieq, u qaltlu “Ħallih”, fejn jista’ jkun gidem it-tifla. Il-missier stqarr li qatt ma mess lil bintu, u waqt dan kollu, tilef il-bilanċ u waqa’. Hu allegatament għajjatlu iżda ma bediex jirrispondih. L-istess missier stqarr li jekk jiġrilu xi ħaġa t-tifel, hu jippreferi jmut għax ma jistax iżomm dan il-fatt ġo fih.

F’notebook li nstab fuqu, kiteb messaġġ emozzjonali li jindika disperazzjoni personali.

“Ħajti nbidlet. Inħobbok. Wisq malajr, konnha trankwilli, familja magħquda. Grazzi tal-memorji”, kien hemm miktub.

Fl-interrogazzjoni, hu ammetta li tefa’ pilloli tal-irqad fl-ikel tat-tfal, iżda ta verżjoni differenti tal-ġrajjiet u sostna li ma kienx f’sikktu. Hu stqarr ukoll nhar is-Sibt 7 ta’ Marzu, f’vjaġġ minn Gwardamanġa għall-Belt, qal li kien hemm persuna li waqfitu fit-traffik fejn din il-persuna hedditu, fejn hu qallu biex imur lura l-Italja u ma jibqax itella’ fuq Facebook.

Dakinhar stess, madwar 25 minuta qabel ma ġabar it-tfal, tella’ post fuq Facebook fejn stqarr “dawk li jikkawżaw problemi familjarji m’għandhomx isibu paċi”.

F’Facebook post ieħor, l-akkużat indirizza lill-eks-mara tiegħu, fejn qal li ma jiflaħx għall-aktar, u “ħa nieħu lit-tifel miegħi”.Fil-Qorti ntqal ukoll li l-missier kien għamel rapport mad-Domestic Violence Unit, hekk kif allegatament hedditu l-eks mara tiegħu fejn qaltlu li l-ħabib tagħha “ħa jieħu ħsiebu hu”.

Fil-kontro-eżami, l-avukata tad-diviża Gianella De Marco stqarret li l-missier qatt ma kien vjolenti mat-tfal, u minkejja li ma kellux xogħol minħabba l-fatt li s-separazzjoni affettwatu wisq, hu kien jibqa’ joħroġhom u jħallas spejjeż tal-ħajja ta’ kuljum. Fil-fatt, l-Ispettur stqarr li l-omm qatt ma stenniet li l-missier ħa jagħmel xi ħaġa bħal din.

Il-każ qed jinstema quddiem il-Maġistrat Claire Strafrace Zammit.