Lokali

Abela jgħid li “saħħaħ is-servizzi tas-saħħa” wara li ħalla tliet sptarijiet f’telqa totali

Xandira li bdiet fuq 'mute'

Wara li ħalla tliet sptarijiet f’telqa totali, illum il-Prim Ministru ħareġ jiftaħar b’dak li għamel f’dan is-settur. Anzi, qal li dan il-Gvern “huwa garanzija”.

Dan qalu dalgħodu Robert Abela nnifsu meta indirizza lill-media bil-Ministri warajh – biex wassal propaganda dwar dak li għamel fl-aħħar 4 snin.

Fl-istess nifs, il-Prim Ministru ma qal xejn dwar il-fatt li ħalla l-pajjiż mingħajr sptar ġdid għas-saħħa mentali, filwaqt li aktar pazjenti qed jispiċċaw f’nofs il-kuriduri ta’ Mater Dei biex jingħataw il-kura; b’detriment fuq it-tobba u l-infermieri infushom. Dan apparti li ħalla wkoll lil Għawdex mingħajr l-investiment neċessarju fi sptar ġdid.

Mal-ġurnalisti, hu stqarr li l-Viżjoni 2050 se tkun iċ-ċavetta. Iżda fl-ebda mument ma indirizza l-problemi kbar relatati mat-traffiku, il-popolazzjoni u l-kriżi tal-għoli tal-ħajja.

Robert Abela għażel biss li jirrepeti li l-war chest mimli. Dan filwaqt illi stqarr li saħħaħ il-pensjonijiet – meta fir-realtà, hu stess daħak bil-pensjonanti meta kien qalilhom li se jneħħi t-taxxa minn fuq id-dħul kollu tagħhom; xi ħaġa li l-Labour baqa’ ma għamilx.

Intant, ix-xandira bdiet fuq sieq ħażina, hekk kif din il-konferenza kienet qed titwassal bla sound fuq il-media soċjali. B’sorsi jindikaw ma’ Net News li minn Kastilja ma ħadu gost xejn li Robert Abela deher jitkellem fil-muta waqt press conference li suppost kellha ċeru importanza.

Fatt ieħor interessanti hu li Jason Micallef, id-Delegat Speċjali għat-Twettieq tal-Manifest Elettorali, ma ġiex mistieden għal dan l-avveniment li kien propju iffukat esklussivament fuq il-Manifest tal-Labour tal-2022.