Lokali

“Aħna lesti biex inkunu Gvern alternattiv” – Alex Borg

Tiġi meta tiġi l-elezzjoni aħna lesti biex inkunu Gvern alternattiv għal kulħadd – u mhux għal ftit.

Dan intqal mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg li fuq il-PBS kompla jispjega kif b’differenza għall-Gvern ta’ Abela hu jrid ikun viċin ta’ kulħadd u jgħin lil kulħadd; mhux biss lil dawk tal-qalba.

Waqt il-programm Xtra, Alex Borg sostna li l-Partit Nazzjonalista għandu ħafna x’joffri lill-poplu Malti u Għawdxi u li hu jinsab iffukat biex juri lil kulħadd il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista.

B’Alex Borg jinsisti li l-PN għadu diversi proposti, anke għan-negozji.

Hu semma’ l-industrija ġdida li se tkun qed tgħaqqad l-ekonomija mal-edukazzjoni. B’Alex Borg jgħid li kull proposta tal-Partit Nazzjonalista għandha timeline u costings lesti.

Mistoqsi minn Saviour Balzan jekk il-Partit Nazzjonalista hux lest għall-elezzjoni, Alex Borg qal li hu ilu bi pjan ċar sa minn meta kien għaddej bil-kampanja għal kap tal-partit.

Sostna li l-Partit Nazzjonalista għandu deputati u kandidati li huma lesti u kapaċi jkunu l-Gvern alternattiv. U hu jinsab ċert li għall-elezzjoni il-Partit Nazzjonalista se jkollu tim b’saħħtu.

Alex Borg qal ukoll li dan il-Gvern wettaq aspetti pożittivi; però hemm bosta affarijiet li jridu jinbidlu fosthom l-isparpaljar tal-flus, u n-nuqqas ta’ trasparenza.

Dwar il-popolazzjoni l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm bżonn ta’ Labour Market Study. Filwaqt illi fakkar li l-Gvern weħel fuq l-istudju dwar it-trasport tal-massa.

Dan filwaqt li saħaq dwar riformi ħolistiċi u mhux riformi li jissemmew għal ftit jiem.

Mistoqsi dwar is-sondaġġi Alex Borg qal li hemm trend li turi li d-distakk qed jonqos. Dan filwaqt li fakkar kif it-terminu tal-Awditur Ġenerali jiskadi l-ġimgħa li ġejja u l-Prim Ministru għadu ma talabx għal diskussjoni fuq din il-ħatra tant importanti.