Kif żvela Net News ftit tal-ġranet ilu, mal-120 ħaddiem li huma impjegati mal-kumpanija tal-gaming Aristocrat Interactive se jispiċċaw issensjati. Tant li issa, kellha tintervjeni l-GWU sabiex tingħata għajnuna f’dawn iċ-ċirkustanzi tant diffiċli.
Din il-kumpanija se twaqqaf l-operat tagħha f’Malta sal-aħħar tas-sena, bi proċess li mistenni jibda minn Ġunju.
Il-Gvern issa ilu numru ta’ xhur affaċjat b’sitwazzjonijiet ta’ intrapriżi li qed jippjanaw li jtemmu l-preżenza tagħhom f’pajjiżna, jew li jkunu rrilokaw l-operat kollu lejn pajjiż ieħor.
Fil-fatt, kien hemm ukoll l-aħbar dwar il-kumpanija Aviation Cosmetics, li fl-aħħar ġimgħat esperjenzat problemi kbar. Tant li lanqas il-ħaddiema ma kienu qed jitħallsu.
Intant, it-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-GWU bħalissa tinsab għaddeja b’ħidma intensiva, bl-appoġġ tal-avukati tagħha, sabiex tassisti lill-ħaddiema tal-Aristocrat Interactive.
Fi stqarrija, intqal li t-Taqsima daħlet fi proċess ta’ konċiljazzjoni mal-kumpanija sabiex, bl-għajnuna legali, tinnegozja l-aħjar pakkett possibbli f’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli.
//= $special ?>

