Qorti

Ammetta li seraq u użu frawdolenti ta’ karta bankarja

Raġel ta’ 36 sena ammetta li seraq basket ġewwa l-Pieta, kif ukoll uża l-karta bankarja tal-vittma, wara li nstab permezz ta’ AirTag u identifikat bis-CCTV.

L-akkużat, li hu bla dar u bla xogħol, tressaq il-qorti llum quddiem il-Maġistrat Ann-Marie Thake akkużat b’numru ta’ reati relatati mas-serq u bl-użu frawdolenti ta’ karta bankarja.

Il-qorti semgħet kif il-każ beda fit-22 ta’ Frar, meta żewġ barranin għamlu rapport lill-pulizija li basket insteraqminn Triq ix-Xatt, Tal-Pietà. Il-vittmi spjegaw li kienu ħallew il-basket fejn kienu qed jaħdmu u, waqt li kienu okkupati, dan sparixxa.

Ftit jiem wara, waħda mill-vittmi reġgħet ikkuntattjat lill-pulizija u spjegat li kellha AirTag ġewwa l-basket, li kien qed jindika li l-oġġett kien jinsab Marsa. Meta l-pulizija marru fil-post, innotaw lill-akkużat miexi bl-istess basket, u ġie arrestat minnufih.

Ftit wara l-arrest tiegħu, ir-raġel ittieħed l-isptar minħabba kundizzjoni medika. Wara li ħareġ mill-isptar, huwa qal lill-pulizija li kien sab il-basket u kellu l-ħsieb li jirritornah l-għada. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest mill-pulizija.

Madankollu, l-għada, il-vittma reġgħet ikkuntattjat lill-pulizija u allegat li l-karta bankarja tagħha kienet intużat f’ħanut tal-lottu. L-akkużat ġie arrestat mill-ġdid u, wara li ntwera filmat tas-CCTV, allegatament ikkonferma li kien hu li uża l-karta.

Fil-qorti, l-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.

Il-każ ġie pospost għal għada fid-9 ta’ filgħodu għal aktar proċeduri.