Qorti

Arrestat wara li attakka lis-sieħba tiegħu

Raġel ta’ 37 sena minn Wied il-Għajn, inżamm arrestat wara li ġie mixli li żamm lis-sieħba tiegħu u lit-tifel tagħhom kontra l-volontà tagħhom, kif ukoll li aggrediha serjament.

Fil-Qorti ntqal li l-każ seħħ fit-23 ta’ Marzu, meta l-akkużat allegatament ċempel lis-sieħba tiegħu fuq il-post tax-xogħol u akkużaha b’infedeltà. Meta hija rritornat id-dar, is-sitwazzjoni eskalat u, skont il-prosekuzzjoni, sfat attakkata quddiem it-tifel tagħhom.

Intqal li għal diversi sigħat huwa allegatament żammhom milli jitilqu mid-dar. L-akkużat sar vjolenti, qatgħalha xagħarha u pprova jifgaha.

Meta waslet il-pulizija, l-akkuża prova jaħrab u aktar tard instab moħbi f’armarju fid-dar t’ommu.

Ryan Bartolo wieġeb mhux ħati tal-akkużi, iżda ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk inżamm arrestat. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.