Kaċċaturi San Ubertu tinnota li qabel kull rebbiegħa Birdlife Malta tirrikorri għal azzjonijiet vili ripetittivi mmirati biex iqarrqu bil-pubbliku b’appoġġ għall-pożizzjoni tagħhom kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa.
Filwaqt li tallega li l-kaċċa fir-rebbiegħa “ma tistax tiġi ġġustifikata xjentifikament jew legalment”, id-dikjarazzjoni ta’ BirdLife Malta f’rapport ġdid tenfasizza “t-tnaqqis kontinwu allarmanti tal-Gamiema Ewropea, Streptopelia turtur, wara r-rilaxx tal-aħħar dejta ta’ rappurtar tal-Artikolu 12 tal-UE (2019–2024).”
Dan ma jistax ikun aktar ‘il bogħod mill-verità u huwa kontraditt minn sħab Birdlife Malta stess permess tal- BirdLife Europe & Central Asia’s Annual Review 2024. fejn jiddikjaraw:
“L-ispeċi qed tagħmel rimonta qawwija fejn Il-popolazzjonijiet laħqu l-ogħla livell irreġistrat tagħhom fl-2024, b’żieda ta’ 40.5% u madwar 615,000 par addizzjonali għat-tnissil”
Kaċċaturi San Ubertu jappoġġjaw bis-sħiħ il-konservazzjoni sostenibbli u bbażata fuq ix-xjenza u jistmerru kampanji ta’ pressjoni pubblika bbażati fuq l-estremiżmu kif uriet ripetutament Birdlife Malta. Dawn mhux biss jiskreditaw id-dritt ta’ Malta miksub minn deċizjoni tal Qrati Ewropej tal-Ġustizzja li tidderoga mid-Direttivi Ewropej, iżda issa jikkontradixxu wkoll lis-sħab tagħhom stess, Birdlife International.
Infaħħru d-determinazzjoni tal-gvern li jiżgura li l-estremiżmu ma jipprevalix u noffru l-appoġġ sħiħ tagħna biex naħdmu mal-awtoritajiet u l-partijiet interessati biex niżguraw li l-kaċċa f’Malta tkompli tkun sostenibbli, legali, u bbażata fuq xjenza soda.
//= $special ?>

