Futbol Sport

“Fadal logħba oħra x’nilgħabu u ninsab konvint li se nkunu qed nagħtu kollox biex indawru r-riżultat.” – Emilio De Leo, kowċ ta’ Malta

Ritratt ta' Catriel Farrugia Sghendo
Ritratt ta' Catriel Farrugia Sghendo

“Komplessivament ma nemminx li wara l-prestazzjoni tagħna llum, inqasna jew żbaljajna x’imkien partikolari, iżda dak li kelna nieqes kienu ċertu dettalji, li f’dan il-livell ta’ futbol jagħmlu d-differenza kollha.” Hekk beda’ jitkellem Emilio De Leo, kowċ ta’ Malta, fil-konferenza stampa ta’ wara l-partita kontra l-Lussemburgu, fejn deher viżibilment diżappuntat bir-riżultat finali ta’ 2-0 f’Ta’Qali.

De Leo żied jgħid li eżempju ta’ dawn id-dettalji kien il-fatt li “ma konnix kapaċi niskorjaw, minkejja li ħloqna aktar okkazzjonijiet ta’ skor, u l-markatura tagħna fiż-żewġ gowls li soffrejna, partikolarment fl-ewwel gowl, setgħu kienu aħjar.” Għal De Leo dawn kienu d-dettalji li fl-aħħar mill-aħħar għamlu d-differenza kollha u taw rebħa ta’ 2-0 lil-Lussemburgu.

“Il-markatura tagħna fiż-żewġ gowls li soffrejna, partikolarment fl-ewwel gowl, setgħu kienu aħjar.” – Emilio De Leo

Il-kowċ Taljan tkellem ukoll dwar it-tieni gowl, li wasal fil-ħin miżjud tat-tieni taqsima, u qal “li stajna evitajniħ għaliex kieku kien jagħtina aktar tama ta’ kwalifikazzjoni meta se nkunu qed nerġgħu nilgħabu kontra tagħhom nhar it-Tlieta li ġej.”

Minkejja li d-diżappunt ta’ telfa bħal din jaf itellef mil-motivazzjoni tal-iskwadra fil-prepazzjoni għall-partita ta’ nhar it-Tlieta, meta se nkunu qed nilgħabu f’dar l-avversarji, De Leo ħass li kellu jkun pożittiv fi kliemu u saħaq li fit-tmiem tal-partita, meta daħal fid-dressing room, u qal lill-plejers Maltin, li “minkejja t-telfa ta’ 2-0, urejna li kapaċi nilgħabu f’dan il-livell. Din tal-lum kienet l-ewwel taqsima. Fadal taqsima oħra u konvint li se nkunu qed nagħtu kollox biex nippruvaw indawru r-riżultat.”

Mistoqsi dwar il-kundizzjoni fiżika ta’ Teddy Teuma, De Leo qal li għadu ma jafx eżatt kemm hi gravi jew le l-injury li minħabba fiha kellu jinbidel kważi għaxar minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima. “Nawgura li jirnexxilna, imma ma nafx kemm se jirnexxilna nirkupraw lil Teddy fil-ħin għal nhar it-Tlieta li ġej.”

“Dwar Teddy Teuma għadna rridu naraw eżatt għada, pero ma nafx kemm se jirnexxilna nirkuprawħ fil-ħin għal nhar it-Tlieta.” – Emilio De Leo

“Mingħajr dubju fil-mument li tlifna lil Teddy Teuma għaliex kellu jinbidel wara li weġġa’, it-tim ħa daqqa li affettwatna speċjalment fl-aħħar 30 metru tal-ground u kien hemhekk fejn bdejna inbgħatu biex inżommu l-ballun aktar f’saqajna,” kompla jgħid De Leo.