“Il-Parlament Ewropew illum ivvota b’maġġoranza kbira favur biex issir liġi l-aktar direttiva ambizzjuża kontra l-korruzzjoni fl-istorja tal-Unjoni Ewropea,” ħabbar il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija tal-PPE, David Casa.
Il-qafas leġiżlattiv il-ġdid jintroduċi standards stretti u unifikati fl-Istati Membri tal-UE. Jistabbilixxi regoli dwar il-preskrizzjoni u l-pieni, jintroduċi pakkett komprensiv ta’ prevenzjoni, u jipprovdi bażi legali għall-Kummissjoni Ewropea biex tevalwa b’mod effettiv kif l-Istati Membri individwali jiġġieldu l-korruzzjoni.
“Għall-ewwel darba, tajna lill-Kummissjoni għodda oġġettiva biex tevalwa kif l-Istati Membri jiġġieldu l-korruzzjoni,” spjega Casa. “Din hija kwistjoni fundamentali li titratta s-saltna tad-dritt, u nistenna li l-Kummissjoni tittrattaha bl-importanza li jixirqilha.”
Id-direttiva ġiet approvata minkejja reżistenza sinifikanti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jirrappreżenta l-gvernijiet tal-istati membri. “Id-Direttiva kontra l-korruzzjoni hija riżultat ta’ negozjati diffiċli, kontra Kunsill li pprefera li din il-liġi ma jagħmilhiex. Imma aħna ma ċedejniex,” stqarr Casa f’diskors fil-plenarja. “Dan il-vot se jibgħat messaġġ ċar u qawwi, li l-korruzzjoni mhijiex in-norma. Li m’aħniex se naċċettaw lil politiċi korrotti jgħattu għal xulxin.”
Il-leġiżlazzjoni se jkollha implikazzjonijiet għall-oqfsa legali nazzjonali, inkluż f’Malta, fejn il-gvern issa huwa legalment obbligat li jaġġorna l-liġijiet kriminali tiegħu biex jikkodifika reati relatati mal-abbuż tal-poter.
Casa enfasizza r-rilevanza speċifika tad-direttiva għall-kuntest Malti, filwaqt li nnota li tesiġi legalment riformi li qabel kienu ġew injorati.
“L-inkjesta pubblika wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia sejħet lill-Gvern biex jintroduċi liġijiet kontra l-abbuż tal-poter. Bħal ħafna elementi oħra f’dik l-inkjesta, din is-sejħa waqgħet fuq widnejn torox,” innota Casa. “Iżda issa, minħabba din id-direttiva, il-Gvern se jkollu jaġixxi. Se naraw tisħiħ tal-liġijiet kriminali tagħna.”
Fid-diskors tiegħu, Casa appella għal vot b’saħħtu, fejn iddikjara li “l-prezz tal-korruzzjoni nħallsuh aħna. Iħallsuh iċ-ċittadini illi huma vittmi ta’ min jidħol fil-politika biex jabbuża mill-poter, biex jaħseb f’butu, u li jaħseb li huwa ‘l fuq mil-liġi. Dan il-vot huwa wkoll għall-ġurnalisti, u għal dawk iċ-ċittadini kuraġġużi li jikxfu l-abbużi. Nies li jaħdmu minkejja r-riskji personali. Ejja ma ninsewx lil Daphne Caruana Galizia.
“Aħna lkoll għandna d-dmir li nkunu t-tarka tagħhom.”
Bid-direttiva issa approvata mill-Parlament Ewropew, l-iskeda għall-implimentazzjoni se tibda wara li din tiġi ffirmata bħala liġi.
“L-attenzjoni tagħna issa se ddur fuq l-infurzar, biex niżguraw li l-Istati Membri kollha tal-UE jittrasponu d-direttiva b’mod korrett fil-liġi nazzjonali biex jiggarantixxu li tiffunzjona b’mod effettiv fil-prattika,” stqarr Casa. Huwa appella lill-politiċi nazzjonali, partikolarment f’Malta, biex “imorru lil hinn mill-minimu assolut” matul il-fażi tat-traspożizzjoni sabiex jerġgħu jibnu b’mod attiv il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet politiċi.
//= $special ?>

