Il-Kamra tal-Periti ikkonkludiet li l-kollass li kien seħħ is-sena li għaddiet f’Bulebel kien ir-riżultat ta’ sekwenza żbaljata fl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet mill-kuntrattur – fosthom, minħabba li ma mtlewx il-bricks fil-ħitan ta’ barra, li kienu ddisinjati biex jerfghħu l-piż ta’ saqaf qabel ma jingħata l-konkos.
Il-Kunsill innota li l-proġett kien ikkaratterizzat minn xogħol fqir f’partijiet oħra tal-proġett, b’mod partikolari fil-fili tal-bricks li ma ltaqgħux f’waħda mill-kantunieri tal-binja minħabba nuqqas ta’ livellar tal-filati skont is-sengħa tal-bini.
Mill-evidenza miġbura, irriżulta b’mod ċar li l-kollass ma seħħx riżultat ta’ diżinji jew struzzjonijiet negliġenti, jew b’mod aktar ġenerali minħabba xi negliġenza professjonali oħra min-naħa tal-perit tal-proġett.
Fil-fatt, il-Kunsill osserva li l-eżekuzzjoni korretta tax-xogħlijiet taqa’ taħt ir-responsabbiltà esklussiva tal-kuntrattur jew tal-bennej liċenzjat – u li l-perit mhux responsabbli li jissorvelja direttament il-kwalità tax-xogħlijiet f’siti ta’ kostruzzjoni, peress li dan jikkostitwixxi kunflitt ta’ responsabbiltajiet li jwassal biex jiġu trasferiti l-obbligazzjonijiet legali tal-kuntrattur għal fuq il-perit – u jinkisru prinċipji bażiċi ta’ imparzjalità u indipendenza.
Dan l-inċident f’Bulebel seta’ kellu konsegwenzi traġiċi, u kien seħħ f’zona li taqa’ direttament taħt ir-responsabbiltà tal-entità governattiva Indis Malta.
Ir-rapporti kienu daħlu fit-18 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet, meta faċċata f’sit ta’ kostruzzjoni ċediet minħabba dak li b’mod ċar kien xogħol mhux magħmul kif suppost.
Fortunatament fil-ħin tal-inċident, taħt il-faċċata kien hemm biss vettura.
//= $special ?>

