Internazzjonali

Konfermata ż-żjara ta’ Trump fiċ-Ċina

Il-President tal-Istati Unti Donald Trump ħabbar li se jkun qed jiltaqa’ mal-President taċ-Ċina, Xi Jinping, fiċ-Ċina stess bejn l-14 u l-15 ta’ Mejju. Dan wara li din il-laqgħa kienet ġiet posposta minħabba l-gwerra tal-Istati Uniti u Iżrael fuq l-Iran.

Din iż-żjara fiċ-Ċina se tkun l-ewwel darba li President tal-Istati Uniti iżur lil dan il-pajjiż fi kważi 10 snin. B’Xi Jinping mistenni jżur Washington DC aktar tard din is-sena stess.

Iż-żjara kienet inizjalment pjanata għal 31 ta’ Marzu; però f’dan il-prejodu l-Istati Uniti nediet serje ta’ attakki fuq l-Iran fejn inqatel il-mexxej suprem.

Meta is-Segretarja tal-Whitehouse ġiet mistoqsija jekk sa din id-data l-gwerra hux se tkun taffiet, hija qalet li gwerer bħal dawn normalment idumu bejn erba’ u sitt ġimgħat.

Intant, jidher li ssokta n-nuqqas ta’ qbil dwar in-negozjati bejn l-Iran u l-Istati Uniti, hekk kif skont Trump il-mexxejja tal-Iran qed jibżgħu jgħidu li qed jinegozjaw mal-Istati Uniti; filwaqt li l-Iran qed jgħid li l-anqas biss tkellmu mal-Amerikani.