Lokali

ll-Gvern ta’ Robert Abela jinsab tliet snin b’lura

Il-Gvern ta’ Robert Abela ma jafx x’inhu ta’ importanza għall-popu u ma jafx dak li hu ta’ interess u dak li jimporta l-aktar għall-poplu bħalma hu s-suġġett relatat mal Awtorità responsabbli mill-użu tal-kannabis f’pajjiżna, suġġett li jinteressa sew lill-poplu. F’din il-materja l-Gvern ta’ Robert Abela jinsab tliet snin b’lura. U dan il-Gvern Laburista hu wkoll konxju minn dan.

Kien biss bl-insistenza tal-Oppożizzjoni fil-Parlament li l-Gvern ta’ Robert Abela beda jieħu xi azzjoni fil-Parlament.

Kienet l-insitenza tad-Deputat Nazzjonalista David Agius li ressaq diversi mistoqsijiet parlamentari lill-Gvern dwar ix-xogħol u r-responsabbiltà tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC)

F’ruling li ta wkoll l-Ispeaker, intqal li l-Prim Ministru ntrabat li jpoġġi r-rapport annwali tal-ARUC fil-Parlament għaliex għadu qatt ma kien ippreżentat rapport wieħed ta’ din l-Awtorità.

Dan ir-ruling ingħata wara mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista David Agius, li kien staqsa lill-Prim Ministru dwar ir-rapport annwali tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) fejn kien imwieġeb li “r-rapport operattiv annwali ġie mħejji mill-Awtorità ” u għalhekk talab li l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport annwali tal-istess Awtorità u li jinkludi wkoll il-baġit allokat mill-Gvern.

Jirriżulta li l-Gvern poġġa biss fil-Parlament ir-rapport annwali ta’ din l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis tas-sena 2022. Ghalhekk, il-Gvern Laburista li kien hu li waqqaf l-ARUC, jonqsu li jippreżenta fil-Parlament u jinforma dwar it-tliet snin ta’ wara – l-2023, l-2024 u l-2025. Dan ifisser biss li l-Gvern ta’ Robert Abela hu tliet snin b’lura – ukoll dwar din il-materja serja.