Opinjoni

Opinjoni: A government in waiting

Angelo Micallef

Li wieħed jgħid li din kienet ġimgħa movimentata f’termini ta’ aħbarijiet ma jkun qiegħed jesaġera bl-ebda mod. Lokalment kellna l-Prim Ministru Robert Abela li fid-diskors politiku tiegħu ta’ nhar ta’ Ħadd ta l-aktar ħjiel ċar li l-elezzjoni ġenerali taf ma tkunx ’il bogħod ħafna.
Kellna wkoll lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg li kompla bil-kampanja pożittiva tiegħu li joffri lill-Partit Nazzjonalista bħala government in waiting b’ideat friski u ġodda.
Mix-xena internazzjonali mbagħad kellna l-aħħar żviluppi fl-Iran u elezzjonijiet interessanti fid-Danimarka, Franza u l-Italja.

L-elezzjoni tibda ċċaqċaq
Il-fatt li Robert Abela beda jsemmi l-manifest elettorali Laburista ta lil ħafna x’jifhmu li l-Partit Laburista kien tassew se jagħfas il-buttuna tal-paniku, u għal darb’oħra jerġa’ jmur għal elezzjoni kmieni.
Naturalment fl-isfond ta’ dan il-logħob ta’ cat and mouse mill-Prim Ministru, ikompli jispikka Alex Borg li kompla joħroġ b’mod ċar kemm il-Partit Nazzjonalista mhux biss huwa lest għall-elezzjoni, imma aktar importanti, huwa lest biex jiggverna. Il-proposta taċ-child trust fund bla dubju ta’ xejn tindirizza b’mod pożittiv waħda mill-akbar sfidi ta’ pajjiżna; il-fatt li għandna l-aktar rata baxxa ta’ fertilità fl-Ewropa.
Proposta li toħloq sens ċar ta’ partit li għandu pjanijiet li jagħtu l-frott fit-tul u li jibnu pedamenti sodi għall-futur ta’ pajjiżna. Alex Borg ressaq ukoll proposta interessanti b’rabta mar-rata tal-VAT fejn tidħol l-ospitalità. Hu qiegħed jitkellem dwar niċeċ ekonomiċi ġodda f’turija li mill-ġdid se jkun gvern Nazzjonalista li joħloq f’pajjiżna niċeċ ekonomiċi li joħolqu l-ġid u impjiegi ta’ kwalità.
Alex Borg qiegħed juri li jekk jiġi mogħti l-mandat ta’ Prim Ministru, se jkun Prim Ministru Nazzjonalista ieħor li jħares ’il quddiem u joħroġ l-aħjar potenzjal ta’ pajjiżna għall-ġid ta’ kulħadd, hi x’inhi l-fehma politika tagħhom.
X’ironija li fl-istess ġranet Robert Abela kien medhi jagħmel il-kalkoli politiċi u jipprova jdgħajjef il-mekkaniżmu tat-trasparenza politika f’pajjiżna fejn jidħlu l-assi tal-ministri u d-dikjarazzjoni li xi darba kienet issir bħala xi ħaġa ovvja imma li issa saret xi ħaġa li l-Gvern li hu jmexxi qed iwarrab.

Meloni taqla’ l-ewwel daqqa
Ir-riżultat tar-referendum fl-Italja kien l-ewwel disfatta elettorali maġġuri għal Giorgia Meloni. Kien referendum li fih ix-xellug ingħaqad f’sens ta’ għadu komuni fil-forma ta’ Meloni. Kien referendum li fir-realtà kellu mistoqsija teknika ħafna u li aktarx qajla kienet ir-raġuni wara r-riżultat. L-eżitu bla dubju ta’ xejn ta daqqa ta’ ħarta lil Meloni f’termini politiċi.
Madankollu jkun żbaljat bil-kbir min jaħseb li l-kapitlu Meloni jispiċċa hawn. Meloni hija politiku ta’ abbiltà kbira u għandha kapaċità kbira li terġa’ tibni s-sens ta’ invinċibiltà li xi darba kienet tgawdi. Jekk ix-xellug qed jaħseb li Meloni hija parti mill-passat wara dan ir-riżultat, naħseb li sejrin żbaljati ħafna. Jekk xejn huwa biss parti mill-passat iċ-ċans li l-Italja taġġorna l-kostituzzjoni tagħha maż-żmien u twettaq riforma li missha ilha li saret żmien!

Trump ikompli jkun inkonsistenti
Jumejn ilu l-President Amerikan Donald Trump ħareġ jiftaħar li kien għamel kisba kbira għaliex l-Iran kien wiegħed li qatt ma kien se jfittex li jkollu armi nukleari.
L-istess wegħda identika li l-Iran kien mhux biss għamel imma ffirma patt bil-miktub għalih meta kien President Barack Obama. Dakinhar Trump ħareġ jattakka lil Obama u jgħid li Obama kien ċeda u għolla l-bandiera bajda. Illum għandu l-wiċċ joħroġ jiftaħar bl-istess wegħda identika; li għal kontra ta’ dak li ġara fi żmien Obama la hija bil-miktub u lanqas hija konfermata mit-tmexxija ta’ Tehran li għadha qed tisħaq li fl-ebda ħin ma kellha diskussjonijiet ta’ din ix-xorta ma’ Trump. Tassew President inkonsistenti u li huwa nieqes minn kull sens ta’ kredibbiltà.

Is-Soċjalisti fid-Danimarka jegħrqu
Il-Prim Ministru Soċjalista tad-Danimarka Mette Frederiksen sejħet elezzjoni kmieni bit-tama li tikkapitalizza fuq il-kwistjoni ta’ Greenland u l-ambizzjonijiet strambi ta’ Donald Trump. Mossa madankollu li nfaqgħet f’wiċċha hekk kif spiċċat biex is-Soċjalisti fid-Danimarka kisbu l-aktar riżultat fqir li qatt kisbu sa mill-1903 sabiex b’hekk il-futur politiku tad-Danimarka issa huwa inċert.
Tassew każ meta tipprova torbot kwistjonijiet li m’għandhomx x’jaqsmu biex tagħmel gwadann politiku imma l-poplu jobżoqlok fis-sunnara!

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 26 ta’ Marzu, 2026.