F’laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Università ta’ Malta li saret illum, il-Prof. Frank Bezzina ġie elett unanimament bħala t-82 Rettur tal-Università.
Il-Prof. Bezzina kien l-uniku kandidat għar-Rettorat. Hu ġie nnominat minn 15-il membru tal-Kunsill, inklużi rappreżentanti tas-Senat u tal-istudenti, membri eletti mill-akkademiċi, mill-istaff amministrattiv, tekniku u industrijali, kif ukoll membri maħtura biex jirrappreżentaw l-interess ġenerali tal-pajjiż.
Hu se jibda uffiċjalment il-mandat tiegħu ta’ ħames snin fl-1 ta’ Lulju, u se jissostitwixxi lill-Prof. Alfred J. Vella, li ilu jokkupa dan l-irwol mill-2016.
Waqt preżentazzjoni lill-Kunsill bit-titlu ‘Għarfien għall-ġid komuni’, il-Prof. Bezzina spjega l-viżjoni tiegħu tal-Università ta’ Malta bħala istituzzjoni nazzjonali strateġika – waħda li mhux biss tirrispondi għall-bidla iżda tifforma b’mod attiv il-futur ta’ Malta. Dan għandu jinkiseb billi taħdem id f’id mal-komunitajiet, l-industrija, u l-istituzzjonijiet pubbliċi u privati mingħajr ma tiġi kompromessa l-awtonomija akkademika.
Il-prijorità tiegħu hija li jiżgura li r-riċerka u t-tagħlim tal-Università jkunu tal-ogħla kwalità.
Ir-Rettur nominat enfasizza l-viżjoni tiegħu tal-Università ta’ Malta bħala post fejn it-tagħlim jippromwovi l-kurżità, l-immaġinazzjoni u l-ħsieb kritiku.
Huwa żied jgħid li l-viżjoni tiegħu hi li l-Università toffri esperjenza tassew ħolistika għall-istudenti u għall-istaff, ibbażata b’mod sod fuq l-ugwaljanza, id-diversità u l-inklużjoni.
Il-Prof. Bezzina wiegħed li bħala Rettur, se jisma’ b’attenzjoni, jaġixxi b’għaqal, u jżomm f’qalbu l-interessi fit-tul tal-Università u tal-pajjiż.
//= $special ?>

