“Il-Mediterran għandu jkun baħar li jgħaqqad u mhux li jifred”.
Dan kien il-messaġġ li wassal l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia waqt konferenza li saret fil-Parlament dwar il-Paċi u d-Djalogu fil-Mediterran.
L-avveniment laqqa’ flimkien mexxejja reliġjużi, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, esperti u politiċi minn diversi pajjiżi Mediterranji, bil-għan li jiddiskutu l-futur tas-sigurtà fir-reġjun tal-Mediterran.
Fid-diskors tiegħu, l-iSpeaker enfasizza li d-djalogu dwar il-paċi għandu jibqa’ prijorità – speċjalment fi żmien ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi, u kriżijiet umanitarji li jolqtu b’mod dirett lil pajjiżi Mediterranji.
Huwa sostna li l-firda reġjonali, jekk titħalla tikber, twassal għal aktar instabbiltà. U b’hekk id-djalogu ssir iktar diffiċli biex jiġi direzzjonat.
Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ impenn kontinwu sabiex id-djalogu jkun il-mutur tal-paċi.
L-Ispeaker fakkar li l-impenn ta’ Malta għall-paċi qatt ma kien mkejjel mid-daqs tagħha. U l-mixja storika ta’ pajjiżna lejn in-newtralità turi li anke l-iżgħar stati jistgħu joffru kontribut sinifikanti għall-istabbiltà politika.
Qal ukoll li n-newtralità kienet dejjem pilastru importanti fil-politika barranija Maltija. U fakkar li n-newtralità mdaħħla fil-Kostituzzjoni Maltija tibqa’ pedament biex pajjiżna jibqa’ jkun pont ta’ kooperazzjoni.
Għal din il-konferenza fil-Parlament attendew ukoll ix-Shadow Ministers Beppe Fenech Adami
u Carm Mifsud Bonnici li huma wkoll għamlu l-intervent tagħhom matul din id-diskussjoni.


