Lokali Transport

“Studji avvanzati” – Robert Abela ma jagħti ebda timeframe dwar il-proġett tat-trasport tal-massa

Dalgħodu, il-Prim Ministru baqa’ ma ta ebda dettalji dwar il-proġett tat-trasport tal-massa li hemm referenza għalih fil-Viżjoni 2050. Dan hekk kif għadna sa issa ma nafux liema mudell ta’ trasport tal-massa se jiġi żviluppat, u meta se jibda dan il-proġett. Bil-Prim Ministru jgħid biss li proġett ta’ metro jaf jiswa’ €3 biljun.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret b’ħafna pompa fil-Marsa, Robert Abela sejjaħ lill-media biex jiftaħar x’għamel il-Gvern tiegħu fl-aħħar erba’ snin. Iżda imkien ma semma’ l-kriżi tat-traffiku, li tul din il-leġislatura baqgħet tigrava sew.

Abela naqas ukoll milli jfakkar li erba’ snin ilu, hu stess kien wiegħed il-proġett tal-metro – proġett li baqa’ biss ħolma fuq il-karta.

Issa, il-Prim Ministru reġa’ qed jagħmel referenza għal proġett ta’ trasport tal-massa li jissemma’ fil-Viżjoni 2050. Iżda hemm, imkien ma ingħataw dati jew timeframes dwar meta se jibda jitwettaq dan il-proġett tant meħtieġ. Fil-fatt, sal-lum stess, Robert Abela iddikjara ma’ Net News li għandhom għaddejin l-istudji.

Intant, il-Kap tal-PN Alex Borg kien ċar ħafna dwar dan is-suġġett, fejn wiegħed li mal-ewwel 100 jum ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista jiġi varat il-proġett ta’ trasport tal-massa. Bir-riżultati tiegħu nibdew narawhom fl-ewwel leġislatura.