Kummerċ Lokali

GO plc tiċċelebra 50 sena ta’ tmexxija b’tkabbir rekord fil-profitti u milestone storiku tal-fibre fl-2025

Żieda ta’ 31.8% fil-profitti... jitlesta l-proġett tat-True Fibre u jitqassmu aktar minn €162M f’dividendi fuq seba’ snin

GO plc ħabbret riżultati finanzjarji b’saħħithom għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2025, sena storika li matulha tfakkar il-50 anniversarju tal-Grupp.

Il-Grupp GO irreġistra dħul ta’ €254.4 miljun, li jfisser tkabbir ta’ 3.9% sena fuq sena, filwaqt li l-EBITDA laħaq €92 miljun, żieda ta’ 1.5%. L-aktar notevoli, kienu l-profitt għas-sena żdied b’31.7% għal €20.7 miljun, riżultat li jirrifletti s-saħħa kummerċjali ta’ GO u l-kontribut pożittiv tal-portafoll diversifikat tas-sussidjarji tagħha.

B’rikonoxximent għal din il-prestazzjoni, il-Bord qed jirrakkomanda dividend nett finali ta’ €0.09 għal kull sehem, li flimkien mad-dividend interim ta’ €0.07 għal kull sehem li tqassam f’Settembru 2025, wassal id-dividend nett totali għall-2025 għal €0.16 għal kull sehem.

Dan ikompli rekord ta’ ritorn konsistenti għall-azzjonisti, b’aktar minn €162 miljun imqassma f’dividendi matul l-aħħar seba’ snin, li juri b’mod ċar li għall-kumpanija GO, l-investiment fit-tul u l-valur għall-azzjonisti jimxu id f’id.

True Fibre: Milestone Nazzjonali

Fl-2025, GO lestiet il-proġett tat-True Fibre madwar il-gżejjer Maltin kollha, kisba storika li tpoġġi lil Malta fost il-pajjiżi ewlenin fl-Ewropa għall-konnettività fibre-to-the-home. Flimkien ma’ dan, GO nediet il-prodott tal-internet 10G tagħha u saret l-ewwel operatur f’Malta li toffri Voice over WiFi (VoWiFi), biex b’hekk, qed tiżgura konnettività tal-vuċi bla interruzzjoni għall-klijenti kollha, inkluż f’żoni b’kopertura mobbli limitata.

“It-tlestija tal-proġett ta’ True Fibre madwar Malta mhuwiex biss kisba kummerċjali għall-kumpanija iżda kisba nazzjonali,” qal Nikhil Patil, il-Kap Eżekuttiv ta’ GO.

“Meta impenjajna ruħna għal dan l-investiment, wegħdna li ma nħallu lil ħadd jinqata’ lura. It-tkabbir ta’ 31.8% fil-profitt li qed nirrapportaw juri l-impenn lejn il-klijenti mhu qatt f’kunflitt mal-impenn lejn l-azzjonisti. Għalina, it-tnejn huma prijorità. U issa li fakkarna 50 sena mit-twaqqif tagħna, deħlin għall-kapitlu li jmiss b’pedamenti aktar b’saħħithom minn qatt qabel.”

Ekosistema li tkompli tikber lil hinn mit-telekomunikazzjoni

L-istorja ta’ GO fl-2025 tmur lil hinn mill-konnettività.

BMIT Technologies żiedet id-dħul tagħha b’8.7%, u saħħet ir-rwol tagħha bħala s-sieħeb ta’ fiduċja fl-infrastruttura diġitali f’Malta. F’Ottubru 2025, BMIT wettqet l-akkwist strateġiku ta’ sehem ta’ 49% f’Malta Properties Company p.l.c. (MPC) għal €25.3 miljun, biex b’hekk lgħaqqet is-servizzi tat-teknoloġija ma’ assi kritiċi ta’ infrastruttura diġitali biex qed tkompli tiddiversifika s-sorsi tad-dħul tal-Grupp.

Cablenet f’Ċipru kompliet twessa’ l-offerta tagħha tal-mobile wara t-tnedija tas-servizzi 5G. GO Energi u AQS irreġistraw l-ogħla bejgħ ta’ enerġija tagħhom biex b’hekk qed ikomplu jappoġġjaw it-tranżizzjoni ekoloġika ta’ Malta. Cybersift, Connected Care, u Klikk, kollha integrati fil-familja GO, komplew jestendu l-preżenza tal-Grupp fis-sigurtà ċibernetika, fit-teknoloġija għall-għajxien assistit u fir-retail diġitali rispettivament.

Riflessjoni fuq 50 Sena — Ħarsa ’l quddiem b’konvinzjoni

L-2025 fakkar il-50 sena mill-bidu ta’ GO bħala Telemalta Corporation fl-1975. Dik li bdiet bħala fornitur tat-telekomunikazzjoni governattiv, żviluppat f’grupp modern immexxi bl-iskop li jtejjeb il-ħajja ta’ individwi, familji u negozji madwar Malta u Ċipru.

“Nofs seklu wara l-bidu tagħna, GO illum hija organizzazzjoni li qed tħares ’il quddiem u li tinsab fuq quddiem nett fit-trasformazzjoni diġitali u sostenibbli ta’ Malta,” qal iċ-Chairman ta’ GO Lassâad Ben Dhiab.

“Il-pedamenti li bnejna, jiġifieri fibre network ta’ klassi dinjija, Grupp diversifikat u li qed jikber u kultura ta’ innovazzjoni, se jkomplu jpoġġuna f’pożizzjoni b’saħħitha għal dak li ġej. L-aħjar ta’ GO għadu ġej.”