Lokali

Il-Gvern jaqbel mal-PN dwar il-korsijiet tal-Malti għal ħaddiema barranin biex jiġġeddilhom il-kuntratt – PN

Dak li llum qed jiġi propost dwar korsijiet tal-Malti u tal-kultura Maltija għall-ħaddiema barranin ilu li ġie propost mill-Partit Nazzjonalista sentejn u nofs.

Illum jidher li l-Gvern qed jifhem li dak li ppropona l-PN żmien twil ilu huwa meħtieġ u għand jkun it-triq ‘il quddiem.

Dan hekk kif issa ħaddiema minn barra l-Ewropa li jkunu jixtiequ li jġeddu l-kuntratt biex jibqgħu jaħdmu f’Malta se jkollhom jibdew jieħdu kors dwar il-kultura u l-ilsien Malti, u mbagħad joqogħdu għal eżami li jridu jgħaddu minnu biex ikunu eliġibbli għal kuntratt tax-xogħol itwal meta jiskadilhom il-kuntratt.

Kieku l-Gvern ma webbisx rasu u dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu meta pproponiethom l-Oppożizzjoni f’Ottubru tal-2023, kieku llum il-poplu Malti u Għawdxi diġà qed igawdi l-benefiċċji.

Il-PN jemmen f’politika li tmexxi ’l quddiem, politika proattiva.

U issa l-Gvern qed jaqbel ma’ dak li ppropona l-Partit Nazzjonalista sentejn u nofs ilu biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-tkabbir tal-popolazzjoni bla kontroll billi jkun żgurat li l-ħaddiema barranin f’pajjiżna verament ikollhom il-ħiliet meħtieġa biex l-impjieg li jkunu fih jipprovdi valur miżjud lill-ekonomija.

Din hi prova li l-Partit Nazzjonalista huwa gvern alternattiv li ma jipprokrastinax, imma jwettaq.