Iżrael qed jintensifika l-gwerra mal-Iran b’sensiela ġdida ta’ attakki mill-ajru fuq is-siti militari tar-reġim Iżlamiku. L-attakki, fil-fatt, qed jilħqu livell ġdid ta’ preċiżjoni fost ir-rapporti li l-Istati Uniti qed tevalwa kif u meta għandu jieqaf il-konflitt li għalaq xahar proprju llum.
Il-qawwiet tal-Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, laqtu l-faċilitajiet li l-Iranjani qed jużaw biex jipproduċu l-missili u l-isplussivi, fosthom il-mines, li jitqiegħdu fil-baħar….Splussivi li tqiegħdu wkoll qalb iz-zoni tal-ibħra ta’ Hormuz minfejn, is-soltu, jgħaddu mal-20 fil-mija tal-kunsinni taż-żejt iddestinati għal diversi pajjiżi.
Il-kelliema militari ewlenin ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, qalu li l-missili tagħhom laqtu direttament is-sit ta’ Yazd, fiċ-ċentru tal-Iran, fejn ir-reġim fundamentalista qed jiżviluppa l-maġġoranza tal-missili tiegħu.
L-azzjonijiet ta’ Iżrael għandhom l-intenzjoni speċifika biex jiċħdu lill-Iranjani mill-faċilitajiet għall-produzzjoni tal-isplussivi bil-potenzjal li jgħarrqu lit-tankers u l-bastimenti kummerċjali fir-Rotta ta’ Hormuz.
Hu konfermat ukoll li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani wettqu aktar minn 20 azzjoni fuq il-‘launch sites’ fil-Punent tal-Iran li qed jintużaw għall-isparar tal-missili lejn l-artijiet ta’ Iżrael u l-bażijiet u l-interessi tal-Amerikani fil-pajjiżi tal-Golf.
Dan u żviluppi oħrajn assoċjati mal-Gwerra tal-Iran wasslu wkoll għal spinta oħra fil-prezzijiet globali taż-żejt li, sal-bieraħ, kienu ftit aktar minn $110-il barmil.
Is-sitwazzjoni, intant, għadha imprevedibbli wara li l-President Amerikan, Donald Trump, qal li kellu jipposponi b’għaxart ijiem il-pjan tal-Istati Uniti biex teqred l-impjanti tal-enerġija tal-Iranjani.
Trump kompla li l-Istati Uniti u l-Iran qegħdin ikomplu bit-taħditiet u, waqt laqgħa fil-White House, sostna li l-Iranjani ħallew talanqas għaxar tankers jgħaddu mir-Rotta ta’ Hormuz. Hu spjega li dan il-ġest tal-Iranjani kien ‘rigal għalih’ u li l-Iranjani jridu juru li huma ‘sodi u ġenwini’ fin-negozjati.
L-Iran ma rreaġiex pubblikament għar-reazzjoni ta’ Trump biex, għalissa, ma jattakkalhomx l-impjanti tal-enerġija. Iżda r-reġim f’Teheran qed jistenna li Trump iwieġeb ‘dalwaqt’ għall-kundizzjonijiet tal-Iranjani biex jieqaf il-ġlied.
L-Iranjani, fost oħrajn, qed jinsistu biex l-Istati Uniti u Iżrael iwaqqfu l-azzjonijiet aggressivi fil-konfront ta’ pajjiżhom u biex ma jkomplux joqtlu lill-ogħla uffiċjali tar-reġim. Dan ukoll meta Teheran irid li jkunu stabbiliti l-kundizzjojiet ċari biex jaċċertaw li l-Iran, ‘il quddiem, ma jkunx suġġett mill-ġdid għal offensiva fuq dan il-livell.
Fl-istess ħin, l-Iran qed ikompli jispara l-missili u d-drones lejn Iżrael b’ritaljazzjoni għall-aħħar attakki fuq artu – bl-Iżraeljani, għal darb’oħra, jikkonċentraw sensiela ġdida ta’ attakki fuq il-milizji tal-Ħeżbollah fil-Libanu li huma l-akbar alleati tal-Iranjani fir-reġjun. Il-media Lebaniża, issa, qed tgħid li fil-Libanu, inqatlu talanqas 1,200 persuna mill-bidu tal-konflitt, xahar ilu.
//= $special ?>

