Il-Ġimgħa filgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg laqa’ fl-uffiċċju tiegħu lill-kantanta Jasmine wara r-rebħa li kisbet fi tmiem il-ġimgħa fil-konkors mużikali tal-kanzunetta Maltija ‘Mużika Mużika’, bil-kanzunetta Nistaqsi.
Akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista feraħ lil kantanta Jasmine u faħħar l-interpretazzjoni li tat fuq il-palk fis-sitt edizzjoni ta’ dan il-konkors.
Jasmine kienet akkumpanjata mit-tim kollu wara l-kanzunetta Nistaqsi, proprju mill-kompożitur Glen Vella, li inċidentalment kien rebaħ proprju l-ewwel edizzjoni ta’ dan il-konkors bil-kanzunetta Ħarsa Biss.
Flimkien ukoll mal-awtur Philip Vella u l-produttur Sean Vella…kif ukoll mal-Arranġatur u Direttur tal-Orkestra, Edward Mifsud.
Jasmine fakkret kif bħal diversi kantanti lokali stabbiliti oħrajn hija kienet bdiet l-ewwel passi tagħha proprju fuq Net Television matul il-programm Arpeġġi, filwaqt li insistiet li issa l-mira tagħha hi li taħdem fuq kontenut mużikali ġdid, bil-għan li tniedi EP jew album filwaqt li l-għan huwa li torganizza kunċert mużikali fejn teżebixxi r-repertorju tagħha.
Finalment il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar il-ħidma tat-talent lokali, u insista li huwa, flimkien mat-tim tiegħu, se jibqa’ jaħdem qatigħ sabiex mhux biss jimbotta aktar ‘il quddiem il-kultura Maltija, iżda jaċċerta li t-talent lokali jkollu kull opportunità massimizata sabiex ikun jista’ jsib il-bieb miftuħ beraħ ħalli li mhux biss ikunu jistgħu joħolmu, iżda jattwaw ix-xewqat tagħhom…u jsarfuhom f’kisbiet eċċezzjonali…bħal filkas taż-żagħżugħa Jasmine.



