Eluf inġabru fil-parroċċi madwar Malta u Għawdex għall-festa tad-Duluri illi tradizzjonalment dejjem issir ġimgħa qabel il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira.
Jingħad li din it-tifkira tad-Duluri bdiet fis-Seklu XV fil-belt Ġermaniża ta’ Cologne. Fil-bidu tas-Seklu XVII, din id-devozzjoni qabdet fi Franza u kien il-Papa Benedittu XIII li fit-22 ta’ April 1725 ordna li din il-Festa kellha tkun iċċelebrata mill-Knisja Universali. Minn hawn, kompliet tinxtered dejjem aktar din il-qima lejn id-Duluri.
Meta fl-1814, il-Papa Piju VII wettaq riforma fil-Kalendarju Liturġiku, hu rreġistra d-data tal-15 ta’ Settembru bħala Jum it-Tifkira ta’ Marija Addolorata.
Id-devozzjoni lejn id-Duluri wasslet ukoll biex f’Malta bdew jitwaqqfu għadd ta’ fratellanzi madwar l-ibliet u l-irħula tagħna.
L-ewwel Konfraternità tad-Duluri twaqqfet f’Ħal Ghaxaq fl-1684. Fil-Belt Valletta nsibu li twaqqfet fit-12 ta’ April 1765 – kważi mitt sena wara. Filwaqt li fil-Mosta twaqqfet fl-1886.
F’Jum Id-Duluri, ġiet iċċelebrata quddies fil-5:00 pm, fil-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta.



Għalkemm imbgħad, il-purċissjoni mill-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani kellha titħassar minħabba r-riħ u l-maltemp.



Intant, matul il-jum, Net News tkellem mal-Vigarju Ġudizzjali tal-Kurja, Monsinjur Brendon Gatt, illi spjegalna t-tifsira ta’ din il-ġurnata.
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa jibdew uffiċjalment nhar il-Ħadd li ġej, bil-festa ta’ Ħadd il-Palm. Il-ġimgħa d-dieħla imbgħad isiru ċ-ċerimonji fil-knejjes marbuta ma’ Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira – il-jum li jfakkarna fil-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.
//= $special ?>

