Żewġ senaturi fl-Istati Uniti introduċew abbozz li għandu jimponi s-sanzjonjiet fuq l-uffiċjali tal-Ungerija akkużati b’li ffaċilitaw ix-xiri tal-enerġija mir-Russja. Akkuża oħra tinvolvi l-impenji tal-Uffiċjali Ungeriżi biex jostakolaw l-appoġġ tal-Punent lill-Ukrajna li qed tirreżisti l-invażjoni mill-qawwiet tal-Kremlin.
L-abbozz, bl-isem ‘Block Putin Act’, hu sponsorjat mis-senatur Demokratiku Jeanne Shaheen u s-Senatur Repubblikan ,Thom Tillis.
Il-leġislazzjoni,f’każ li tkun adottata, għandha timponi visa ban għall-uffiċjali speċifiċi tal-Ungerija, għalkemm l-abbozz speċifiku ma jidentifikax lil xi politiċi Ungeriżi b’isimhom.
L-Ungerija, membru tal-Unjoni Ewropea, ilha tindika s-simpatiji ċari mar-Russja li tinsab fi stat ta’ ‘Gwerra Bierda’ mal-Ewropa.
Fil-fatt, il-Gvern tal-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban qed ikompli jixpruna t-tensjoni bejn Moska u Brussell, bl-Ungerija timblokka l-pakkett tas-self , ekwivlenti għal 90 biljun ewro, mill-Unjoni lill-Ukrajna.
L-Ungerija, sadanittant, qed tkompli twebbes rasha, hi u tinsisti biex l-Ukrajna tiftaħ mill-ġdid il-pipeline ta’ Druzhba li ġarrab il-ħsarat waqt attakk tar-Russi u li baqgħu ma sarulux it-tiswijiet.
It-tensjoni kompliet tikber wara rapport, fil-Washington Post, li l-Ministru Ungeriż għall-Affarijiet Barranin, Péter Szijjártó, qasam l-informazzjoni sensittiva mil-laqgħat tal-Foreign Affairs Council tal-UE mal-uffiċjali f’Moska…Aġir li qanqal kundanna kbira minn Brussell anki waqt li Szijjártó iddefenda dawn il-kuntatti bħala sempliċi rutina.
Intant, filwaqt li numru kbir ta’ pajjiżi ħadu l-passi biex inaqqsu d-dipendenza fuq iż-żejt tar-Russja, l-Ungerija qed tagħmel l-oppost bix-xiri ta’ dan ir-riżors u kwantitajiet tal-gass mingħand ir-Russi – minbarra li qed tostakola l-għajnuna kritika għall-Ukrajna.
Is-Senator Amerikan Shaheen, sadanittant, ikkritikat lill-Gvern tal-President Amerikan, Donald Trump, talli qed jappoġġja lil Viktor Orban qabel l-elezzjonijiet parlamentari li se jsiru fl-Ungerija fit-12 ta’ April. Dan meta l-Partit Tisza, fl-Oppożizzjoni, qed igawdi vantaġġ fuq il-Partit Fidesz fil-Gvern.
Fl-istess ħin, il-Viċi-President Amerikan, JD Vance, qed jikkunsidra li jżur l-Ungerija, dan ix-xahar, bl-iskop speċifiku li jikkonsolida l-appoġġ tal-Gvern Amerikan għal Orban.
Sadanittant, din iż-żjara qed tkun ikkritikata bħala parti minn strateġija għall-appoġġ lill-Gvern Ungeriż li qed imur b’mod sfaċċat kontra l-politika Ewropea minbarra li qed jgħin biex jiffinanzja l-Magna tal-Gwerra tar-Russja.
//= $special ?>

