Lokali

Matul l-2025 Robert Abela għamel kważi €2.5 miljun f’dejn ġdid kuljum – PN

Statistika tal-NSO tikkonferma li tul is-sena l-oħra d-dejn żdied għal €11.4 biljuni, u li qed inħallsu €814,000 kuljum f’interessi biss fuq dan id-dejn

Issa kkonfermat iswed fuq l-abjad.

Matul l-2025 bħala sena sħiħa, id-dejn nazzjonali ta’ pajjiżna żdied għal €11,360 miljun li jfisser li Robert Abela għamel rekord ta’ €893 miljun f’dejn ġdid fuq perjodu ta’ sena.

Kien dan il-messaġġ li wasslu x-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia u x-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża, Jerome Caruana Cilia fi stqarrija fejn qalu kif ċifri ppubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-finanzi tal-gvern matul is-sena li għaddiet (Jannar-Diċembru 2025) juru li fi tmiem is-sena d-dejn laħaq il-livell ta’ €11.4 biljun.

Robert Abela huwa responsabbli għal nofs dan id-dejn kollu. Pajjiżna kellu dejn ta’ ftit iktar minn €5 biljun meta Abela ħa post Joseph Muscat. Dan ifisser li d-dejn taħt Robert Abela aktar milli rdoppja. Fl-aħħar sena Robert Abela għamel kważi €2.5 miljun f’dejn ġdid kuljum. Robert Abela sar sinonimu mad-dejn.

Dan ir-rekord ta’ dejn qed iwassal għal rekord ieħor – dak tal-imgħax li qed ikollu jħallas il-gvern mit-taxxi tal-poplu. Skont l-istess statistika, matul l-2025 ħallasna €297 miljun f’imgħax fuq id-dejn li jfisser żieda ta’ €35 miljun fuq l-2024 (ara t-tabella hawn taħt). Dan l-ammont ifisser ukoll li jien u int qed inħallsu madwar €814,000 kuljum f’interessi biss fuq id-dejn.

U skont il-previżjoni tal-Gvern fil-Budget 2026, din is-sena (2026) hu proġettat li l-ammont tal-imgħax fuq id-dejn pubbliku li se jkun qed iħallas il-poplu Malti jiżdied għal bejn €340 u €350 miljun, li jfisser fejn wieħed u ieħor miljun ewro kuljum f’imgħaxijiet biss.

Id-dejn u l-imgħax
                                               Dejn                                       Imgħax

Jan-Diċ 2025                        €11,361 miljun                    €297 miljun
Jan-Diċ 2024                        €10,468 miljun                    €262 miljun
Żieda fuq l-2024                 +€893 miljun                       +€35 miljun


L-istess statistika tal-NSO turi li fl-2025 l-iżbilanċ fil-finanzi tal-gvern kien jammonta għal €824 miljun. Dan għaliex filwaqt li d-dħul tal-gvern żdied fuq is-sena ta’ qabel, l-infiq tal-gvern żied b’rata ferm akbar. Riżultat ta’ dan, l-iżbilanċ matul l-2025 kważi rdoppja fuq l-2024 meta kien jammonta għal €433 miljun – żieda ta’ €391 miljun (ara t-tabella hawn taħt).


L-iżbilanċ

                                                Nefqa                         Dħul                           Żbilanċ

Jan-Diċ 2025                        €8,896 miljun          €8,072 miljun          -€824 miljun
Jan-Diċ 2024                        €8,292 miljun          €7,860 miljun          -€433 miljun
Żieda fuq l-2024                 +€604 miljun           +€212 miljun            €391 miljun aktar

Kaġun ta’ din is-sitwazzjoni Malta tinsab fi Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv tal-UE li daħħalna fiha l-Gvern Laburista f’Lulju tas-sena 2024. Dan minkejja li f’April li għadda, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana kien ftaħar li Malta se toħroġ minn din il-proċedura kmieni. Dan ifisser li Malta sal-lum għadha qed tikser il-limiti fiskali tal-UE, u mhux qed jiġu indirizzati dgħufijiet strutturali fil-finanzi pubbliċi.

Il-livell qawwi ta’ żbilanċ u dejn li għabba lill-poplu bih Robert Abela jfisser li kemm ilu li sar Prim Ministru, Robert Abela ddejjen aktar mill-Prim Ministri kollha ta’ qablu, Laburisti u Nazzjonalisti, flimkien.

Bil-politika ta’ Gvern Laburista, id-dejn se jkompli jirranka fis-snin li ġejjin biex sal-2028, nilħqu rekord ġdid ta’ aktar minn €14-il biljun kif ħabbar il-Ministru għall-Finanzi stess fl-aħħar budget. Dan ikun ifisser li filwaqt li sa issa Robert Abela għamel id-doppju tad-dejn li għamlu ta’ qablu, sa tliet snin oħra, se jkun ittrippla d-dejn.