Dione Borg
Kandidat PN
11-il Distrett
Suppost ninsabu sena bogħod minn elezzjoni ġenerali, li tista’ ssir sa Marzu 2027, iżda l-Prim Ministru qed joħloq l-aspetattiva għaliha.
Ma tantx niftakar prim ministri li jibdew jitkellmu dwar elezzjoni ġenerali minn sena qabel. Probabbli li l-aħħar Prim Ministru li kien jitkellem dwar elezzjoni ġenerali bikrija kien propju Alfred Sant fl-1998. Fuq kollox, ir-raġunijiet li qed iġib Robert Abela biex tissejjaħ elezzjoni ġenerali huma raġunijiet li huma biss paraventu wara r-raġunijiet veru li jistgħu jwassluh biex isejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija.
Jekk kif iħobb jgħid l-istess Prim Ministru, hu għandu l-esperjenza biex imexxi pajjiż fil-gwerer u hu l-aqwa politiku biex imexxi lil pajjiżna f’dawn iż-żminjiet, allura għaliex isejjaħ elezzjoni ġenerali? Jekk din il-gwerra fil-Lvant Nofsani se teffettwa l-prezzijiet tal-prodotti u anki tal-ikel u hu stess jgħid li għandu s-soluzzjonijiet u l-fondi ivvotati diġà biex jintużaw għall-bżonn, allura għaliex isejjaħ elezzjoni? Bla dubju li l-Prim Ministru daħħal lill-pajjiż f’temperatura elettorali sa minn sena qabel u m’hemmx dubju wkoll li pajjiż ma jistax jibqa’ għaddej b’din il-kampanja għal sena, sa Marzu 2027.
Minbarra dan, sa minn qabel bdiet il-gwerra fil-Lvant Nofsani, il-Prim Ministru saħansitra kien qed jorbot elezzjoni ġenerali bikrija mal-ħatra ta’ Kap ġdid tal-PN. Raġuni li bħall-oħrajn, m’għandhiex bażi politika.
Isejjaħ meta jsejjaħ elezzjoni, il-Prim Ministru jaf li l-poplu Malti issa qed jinduna dejjem iktar b’dak li qed iwettaq il-Gvern Laburista. Illum dan il-gvern, irrispettivament minn min hu Prim Ministru, ma jistax jibqa’ jġib l-iskużi u jwaħħal f’ħaddieħor għal dak li qed iwettaq. Wara 13-il sena, ir-responsabbiltà għal dak li qed jiġri fil-pajjiż hi biss tal-Gvern Laburista. Seta’ fil-bidu, kif kien għamel Joseph Muscat, jipprova jgħid li dan kien gvern ġdid u ma kellux l-esperjenza, iżda issa 13-il sena wara, dawn l-argumenti ma jreġġux u mhumiex validi.
Il-poplu llum, iktar minn qatt qabel qed jipponta lejn il-Partit Laburista u lejn il-Gvern Laburista għal dak li qed jitwettaq; u l-poplu għandu raġun. Il-poplu għandu raġuni jipponta lejn il-Gvern Laburista dwar il-korruzzjoni, dwar il-governanza skorretta, dwar il-popolazzjoni żejda, dwar il-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol, dwar l-għoli tal-ħajja, dwar it-traffiku, dwar l-infrastruttura, dwar l-isptarijiet, dwar l-ambjent, dwar il-kwalità tal-ħajja, dwar il-kwalità tal-arja, dwar l-iffullar fil-bajjiet u dwar nuqqas ta’ ppjanar f’diversi setturi. Dawn huma kollha responsabbiltà tal-Gvern Laburuista, li litteralment ħoloq il-problemi waħdu. Ħadd ħliefu ma hu responsabbli għal dawn il-problemi. Ħadd ħliefu ma fetaħ il-bibien għal iktar minn 100,000 ħaddiem barrani meta ma kienx hawn pjan dwar kif se jkunu assorbiti mill-ekonomija Maltija.
Ħadd ħlief dan il-gvern mhu responsabbli għan-nuqqas ta governanza tajba u l-korruzzjoni istituzzjonalizzata. Dawn huma problemi li ħoloqhom waħdu l-Gvern Laburista; problemi li issa biex jissolvew irid ikun hemm pjan dettaljat minn gvern alternattiv. Min ħoloq il-problema ma jistax isolvieha u għalhekk il-Gvern Laburista ma jistax isolvi l-problemi li ħoloq hu stess.
Fl-2013, il-Gvern Laburista kellu l-għażliet quddiemu. Seta’ baqa’ miexi fuq is-setturi ekonomiċi ta’ kwalità li kien ħoloq Gvern Nazzjonalista jew seta’ jmur għal tkabbir ekonomiku permezz tal-kwantità. Minflok għażel l-ewwel għażla, il-Gvern Laburista għażel it-tkabbir ekonomiku bbażat fuq il-kwantità bla ma kellu l-pjani neċessarji biex il-pajjiż jilqa’ għall-influss ta’ eluf kbar ta’ ħaddiema barranin li ħafna minhom ma kellhomx it-taħriġ neċessarju biex jidħlu jew joħolqu setturi ekonomiċi ġodda.
Kulħadd jaf li r-riperkussonijiet ta’ din is-sitwazzjoni kienu gravi fuq it-tessut tas-soċjetà Maltija b’effetti negattivi fuq l-infrastruttura, fuq l-isptarijiet, fuq it-traffiku, fuq il-lokalitajiet u fuq tant setturi oħra. Il-gvern ftit interessah minn dawn ir-riperkussjonijiet tant li għal snin twal lanqas kien jitkellem fuqhom. Illum li għaddew 13-il sena, il-problemi daħlu fil-fond u s-soluzzjonijiet ma jistgħux jinstabu mil-lejl għan-nhar.
Issa li l-pajjiż jinsab kważi f’temperatura ta’ kampanja elettorali, il-gvern qed jippreżenta ruħu quddiem l-elettorat bħal xi gvern ġdid li kull m’ilu hu biss leġiżlatura waħda. Issa l-gvern donnu nduna li hawn problema ambjentali kbira u allura se joħloq tliet parks nazzjonali, issa nduna li hawn problema ta’ popolazzjoni u issa qed jipproponi l-eżamijiet għall-ħaddiema barranin li jkunu ġejjin Malta, issa l-gvern induna li hawn problema tat-traffiku bil-gvern jgħidilna li s-soluzzjonijiet se jitħabbru iktar tard u issa l-gvern induna li hawn problema ta’ kwalità tal-ħajja u allura qed jipprova jsib soluzzjonijiet.
Illum il-gvern jinsab f’sitwazzjoni li minflok joħloq setturi ekonomiċi ġodda, qed jagħmel reazzjoni għall-problemi li ħoloq hu stess. Elezzjoni ġenerali ma ssolvi xejn jekk ma jkunx hemm bidla; ma ssolvi xejn jekk ma jkunx elett il-PN fil-gvern għaliex dan hu li għandu bżonn il-pajjiż. Pajjiżna m’għandux bżonn iktar minn dak li diġà għandu iżda għandu bżonn direzzjoni ġdida, ideat ġodda, nies ġodda, politiċi impenjati u fuq kollox determinazzjoni u rieda favur is-sewwa.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 22 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

