Opinjoni

Opinjoni: Gwerra li qed tolqot is-sigurtà tal-provvista

Il-Lvant Nofsani issa ilu 27 jum fi gwerra. Gwerra li bdiet bl-attakk tal-Istati Uniti u Iżrael kontra l-Iran u li nfirxet għall-pajjiżi tal-Golf u l-Arabja Sawdija. Gwerra li wasslet biex ingħalaq l-Istrett ta’ Hormuż li minnu jgħaddu 20 fil-mija taż-żejt u l-gass tad-dinja. L-għeluq ta’ dan l-Istrett wassal biex il-prezz taż-żejt Breent waqt li qed nikteb jinsab fil-prezz ta’ $96 il-barmil. Dan kollu qed joħloq problemi għas-sigurtà tal-provvista. Għas-sigurtà tal-ikel, anki għall-fatt li prodotti li jintużaw mis-settur agrikolu bħall-fertilizzanti u pestiċidi jiddependu miż-żejt u l-gass. Li ħafna minnhom jiġu mill-pajjiżi tal-Golf. Is-sitwazzjoni kompliet titgħarraq bl-attakk ta’ Iżrael fuq bjar tal-gass tal-Iran. Li wieġbet immedjatament billi attakkat bjar tal-gass fil-Qatar. Li biex jissewwew iridu bejn erba’ u ħames snin.

Joe M. Zahra

Ninsabu fl-ewwel jiem tar-rebbiegħa. Staġun mill-isbaħ li fih in-natura tqum mir-raqda tax-xitwa. Ngħixu jiem itwal b’temp isbaħ, iżda fl-istess waqt li ninsabu fir-rebbiegħa qegħdin ukoll f’xitwa ta’ problemi internazzjonali maħluqa mill-gwerra tal-Istati Uniti u Iżrael kontra l-Iran.

Il-kriżi taż-żejt u l-gass
Kif għedt aktar ’il fuq, il-prezz taż-żejt u l-gass qed jogħla, u dan qed joħloq problemi kbar għal ħafna pajjiżi. Problemi riflessi fil-pompi tal-petrol u d-diesel fejn il-prezz jinbidel kontinwament. Mhemmx dubju li bħalissa qed jagħmlu l-miljuni, jekk mhux il-biljuni, il-kumpaniji taż-żejt.
Minħabba restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni mill-pajjiżi tal-Golf u l-Arabja Sawdija dawn qed jimxu mar-regola li għaliex id-domanda trid tintlaħaq allura l-poplu jaċċetta kull prezz. Basta jinqeda! Sadanittant il-pajjiżi tal-Ewropa bdew jieħdu deċiżjonijiet biex inaqqsu l-prezz mill-pompi. U biex ma jħallux lill-kumpaniji jgħollu kemm ifettlilhom, qed ibati l-konsumatur li biex jivvjaġġa bil-karrozza tiegħu jrid il-petrol jew ud-diesel.
Iż-żieda fil-prezz tal-gass ukoll jolqot ħafna pajjiżi, speċjalment dawk li l-produzzjoni tal-elettriku tagħhom ġejja mill-gass. Pajjiżna jixtri l-gass migħand SOCAR, li min-naħa tiegħu jixtrih mix-Shell, li mbagħad ibiegħu lill-Enemalta. S’intendi bi qliegħ!
Il-prezz tal-gass għal pajjiżna huwa marbut sas-sajf. Minkejja dan il-pajjiżi minfejn jiġi jistgħu jinvokaw klawsoli ta’ ‘force majeure’ anki jekk il-gass għal pajjiżna ma jiġix mill-Golf iżda joriġina minn bjar fl-Atlantiku, xorta l-prezz jogħla jekk ikun hawn nuqqas.

Dipendenza assoluta fuq l-importazzjoni ta’ enerġija
Minn ċifri pubblikati mill-Eurostat, jirriżulta li Malta fl-2024 kienet l-iktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea dipendenti mill-importazzjoni għall-enerġija tiegħu. Lanqas dan ma jgħin fi kriżi bħal din.
Minbarra li niddependu mill-gass niddependu wkoll mill-‘interconnector’, li jfisser li meta nixtru l-elettriku minn fuq l-‘interconnector’, jekk l-elettriku fl-Ewropa jogħla, jogħla għalina wkoll.
Pajjiżna jrid jieħu ħsieb ukoll is-servizzi li jaslulna minn qiegħ il-baħar. Servizzi ta’ komunikazzjoni u l-‘interconnector’ li jwasslilna l-elettriku. Dawn irridu nħarsuhom. Kif irridu nkunu preparati għal xi emerġenza bħal dik tat-tanker Russu Arctic Metagaz.
Il-Kap tal-PN Alex Borg waqt is-summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fi Brussell insista li l-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni konkreta u immedjata quddiem theddid li jolqot direttament il-Mediterran. Hu saħaq li fil-każ tat-tanker Arctic Metagaz, li qed joħloq riskji ambjentali u ta’ sigurtà fil-Mediterran, pajjiż żgħir bħal Malta ma jistax jibqa’ jħares lejn sitwazzjonijiet bħal dan b’mod passiv, u għalhekk insista dwar il-bżonn ta’ kordinazzjoni Ewropea aktar effettiva biex jiġu protetti l-ibħra tagħna, is-sigurtà tal-provvista u l-ambjent.
F’nofs dan kollu pajjiżna qed iħallas iktar għall-importazzjoni. Malta timporta 80 fil-mija tal-ħtiġiet tagħha bil-baħar. It-trasport bil-baħar kien diġà għoli, issa qed ikompli jogħla għal diversi raġunijiet. Fosthom li darba qed jogħla l-fjuwil il-bastimenti biex jivvjaġġaw jonfqu iktar fuq il-fjuwil, żieda li mhemmx dubju se tgħaddi fuq il-konsumatur.
Togħla wkoll l-assikurazzjoni minħabba aktar perikli. Diġà vjaġġ mill-pajjiżi tal-Golf għola ħafna għaliex biex it-tankers u bastimenti tal-merkanzija ma jgħaddux mill-Golf tal-Aden u l-Istrett ta’ Bab-el-Mandeb, fejn il-Houthi alleati tal-Iran jisparaw fuq il-bastimenti, qed jieħdu r-rotta madwar l-Afrika li tieħu erba’ jew ħames ġimgħat aktar.
Problema oħra hija li ħafna minn dak li nimpurtaw jiġi bit-‘trailers’. L-operaturi tat-‘trailers’ ilhom jilmentaw li qed jitilgħu l-Italja vojta għax naqset l-esportazzjoni biex imbagħad jinżlu Malta mgħobbija. L-ispejjeż biex jitilgħu jridu jitħallsu, kif irid jitħallas il-prezz għola tal-fjuwil li jkollhom jieħdu waqt li jkunu fl-Italja. Dan kollu jispiċċa jaqa’ fuq il-konsumatur.

Żieda fl-inflazzjoni
Din il-gwerra jkollha effett fuq is-sigurtà tal-ikel u fuq is-sigurtà tal-provvista. Nafu dan kollu x’ifisser għax meta kien hawn il-pandemija tal-COVID-19 konna se nispiċċaw bla prodotti tal-ikel. Kif ġralna dan l-aħħar meta waqt tempesta kbira, it-trasport bil-baħar waqaf u diversi supermarkits spiċċaw bi xkafef vojta!
Dan kollu għandu jwassal lill-Gvern biex jara li jkun hawn ħażna biżżejjed ta’ ikel. Kif huwa importanti wkoll li jkollna ħażna għal numru ta’ xhur ta’ fjuwil.
Pajjiżna jiddependi għall-parti assoluta tal-prodotti tal-ikel li jiġu mill-Ewropa jew minn pajjiżi oħrajn bil-baħar. Dan mhemmx dubju li jogħlew. Hekk jimpatta fuq ir-rata tal-inflazzjoni. Rata li diġà hija għolja u li f’nofs dan il-gwaj kollu mistennija tkompli togħla.
Miż-żieda fl-inflazzjoni jbati kulħadd iżda l-iżjed dawk jaqilgħuha u jiekluha. Dawn ma jifilħux għal żidiet fil-prezzijiet li jieklulhom id-dħul tagħhom. Biżżejjed li diġà għandna 108,000 fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar. Dawn in-nies ma jistgħux jistennew baġit ieħor biex jingħataw żieda għal dak li jogħla llum. Għal dawn il-Gvern għandu jaġixxi b’mod tempestiv.
Inutli jiġi l-Ministru għall-Finanzi jgħid li għandna €250 miljun li nistgħu nserrħu moħħna fuqhom, li probabbilment huma flus li l-Gvern jiddejjen. Min ma jkollux biex iħallas ix-xirja tiegħu, il-flus ikun iridhom f’idejh illum, u mhux sena oħra.
Jekk din il-kriżi se titwal id-dinja tista’ tidħol f’riċessjoni, u minn inflazzjoni li diġà qed tinħass tgħaddi għal ‘stagflation’ fejn l-inflazzjoni togħla, it-tkabbir ekonomiku jistaġna u l-qgħad jiżdied. U dak lilna jolqotna wkoll.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 27 ta’ Marzu, 2026.