Opinjoni

Opinjoni: Qed nibnu sistema li tista’ ġġorr il-futur ta’ Malta?

Malta tinsab f’mument kruċjali

Stanley Zammit
Shadow Minister
għall-Ippjanar u l-Artijiet

Anke jekk l-attività kummerċjali għadha ogħla mill-medja, l-aħħar aġġornamenti ekonomiċi uffiċjali tal-Bank Ċentrali juru li l-inċertezza baqgħet għolja. Is-sinjali li qed joħorġu minn diversi setturi, fosthom dawk tal-kostruzzjoni, huma ta’ tħassib, l-aktar minħabba l-fatt li l-fiduċja qed tiddgħajjef.

Reżiljenza li trid tkun ippjanata
Bħala inġinier, naf li r-reżiljenza ma tiġix b’kumbinazzjoni. Ir-reżiljenza trid tkun ippjanata u maħsuba minn qabel. Mhux hekk ġara f’diversi oqsma li qed juru sinjali ċari ta’ sistemi taħt pressjoni, sistemi li qed jiġu mgħobbijja ħafna aktar milli jifilħu u ħafna aktar milli kienu ddisinjati għalihom.

Sistema tal-ippjanar taħt pressjoni
F’dawn l-aħħar 13-il sena, il-Gvern ħalla għal riħhom is-setturi li jiffurmaw u jikkontribwixxu għall-ambjent mibni tagħna. Kellhom ikunu numru ta’ traġedji, fosthom dik ta’ Jean Paul Sofia, u l-pressjoni qawwija u konsistenti tal-Partit Nazzjonalista li ġiegħlet lil Gvern jieħu numru ta’ miżuri.
Il-policies tal-ippjanar, li suppost jagħtu ċertezza u assigurazzjoni, illum huma fost dawk li aktar joħolqu konfużjoni milli joffru ċarezza. Kienu bosta d-drabi fejn il-qrati kellhom jintervjenu, iwaqqgħu permessi u jiddikjaraw li messhom ma ħarġu qatt minħabba interpretazzjonijiet żbaljati jew esaġerati tal-liġi. Kawża ta’ dan, numru ta’ sidien, fosthom koppji żgħażagħ, jinsabu kompletament skoperti b’konvenji jew kuntratti fuq proprjetajiet fejn kien hemm permess, iżda dan ġie revokat u llum il-proprjetà hija mingħajr permess.
Dan mhux każ ta’ żbalji iżolati. Dan huwa sintomu ta’ sistema mibnija fuq ambigwità minflok direzzjoni ċara.

Sfidi serji fis-settur tal-kostruzzjoni
Fis-settur tal-kostruzzjoni, il-problema hija simili. Ir-reġim tal-liċenzjar għadu inkomplet. Hemm oqsma sħaħ, bħal kaħħala, bajjada, min iqiegħed il-madum u s-suffetti, u oħrajn, li għadhom mħollija barra.
Il-kuntratturi mhumiex ikklassifikati skont il-kompetenza u l-kapaċità tagħhom. Il-kuntratturi ż-żgħar għandhom l-istess spejjeż u piżijiet bħall-kuntratturi l-kbar. Ma jeżistu l-ebda inċentivi li jinkoraġixxu s-serjetà fis-settur.
Saħansitra f’ak li għandu x’aqsam mas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, għadna niddependu wisq fuq il-bona volontà, filwaqt li l-infurzar għadu dgħajjef ma’ min huwa b’saħħtu u b’aħħtu ma’ min huwa dgħajjef.

Nuqqas ta’ fiduċja u viżjoni
Dan kollu jwassal għal ħaġa waħda: nuqqas ta’ fiduċa.
Dan in-nuqqas ta’ fiduċja ġej ukoll minn nuqqas ta’ viżjoni strateġika nazzjonali konsistenti. Meta pajjiż jopera mingħajr direzzjoni ċara, ir-riformi jkunu każwali u reattivi, il-protezzjoni ambjentali tiddependi fuq oġġezzjonijiet minflok ippjanar serju, u ċ-ċertezza tinbidel f’inkonsistenza.

Il-ħtieġa għal bidla serja
Għalhekk għandna bżonn bidla serja.
Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi approċ differenti: wieħed ibbażat fuq ċarezza, kompetenza u ppjanar fit-tul. Mhux soluzzjonijiet ta’“nee-jerk reactions” bil-biċiet u bil-ippazzar. Pajjiżna jeħtieġ trasformazzjoni olistika li tintegra l-esperjenza u l-ħiliet, it-teknoloġija, l-evidenza u t-trasparenza f’kull deċżjoni.

Eżempji konkreti
Eżempju konkret huwa l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ djalogu fil-bidu tal-applikazzjoni tal-iżvilupp, fejn l-iżviluppaturi, il-periti, il-komunitajiet u l-Awtorità jiltaqgħu flimkien b’mod formali sabiex jiġu ċarati dubji jew ambigwitajiet li jista’ jkun hemm. Dan inaqqas il-kunflitti, iħaffef id-deċiżjonijiet u jġib lura s-sens ta’ ġustizzja u l-fiduċa.
Fl-istess ħin, il-kwalità trid issir inċentiv u mhux piż. Bini aktar effiċjenti fl-enerġija, disinn aħjar u żvilupp sostenibbli għandhom jiġu mħeġġa permezz ta’ rebates, krediti fiskali u aċċess aktar faċli għal finanzjament aħdar.
Ir-riforma trid tkompli wkoll fil-liċenzjar tal-kuntratturi, li għandu jsir sistema serja bbażata fuq klassifikazzjoni, compliance, taħriġ u infurzar effettiv. Sistema vera ta’ skills card għandha tiżgura li kull ħaddiem fuq kull sit jilħaq l-istandards meħtieġa.

Ekosistema professjonali aktar b’aħħitha
Sistema hija b’saħħitha daqs l-aktar punt dgħajjef tagħha, u għalhekk l-ekosistema kollha trid tkun b’saħħitha. Il-professjonijiet kollha relatati, inkluż il-Project Managers, il-Planners, il-Ġeoloġi u l-Prattikanti tas-Saħħa u s-Sigurtà, irid ikollhom rikonoxximent ċar, standards professjonali u triq ta’ karriera strutturata.
Fl-istess waqt, Malta trid tinvesti ħafna aktar fir-riċerka u l-innovazzjoni, mhux lanqas fis-settur tal-ippjanar u l-kostruzzjoni. L-użu tad-data, sistemi diġitali, mudellar ambjentali u intelliġenza artifiċjali m’għadhomx lussu, imma huma l-pedament ta’ sistema moderna u reżiljenti.

Mistoqsija fundamentali
Se nibqgħu nibnu fuq sistemi skaduti u frammentati li minnhom igawdu l-ftit u jbatu l-ħafna, jew se jkollna l-kuraġġ nibnu sistema ġdida li tassew tiflaħ iġġorr il-futur ta’ Malta?
Il-bidla mhix għażla. Hija neċessità. U dan huwa l-mument.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 22 ta’ Marzu, 2026.