Knisja Lokali

Quddiesa f’Jum id-Duluri mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna fil‑Knisja Ta’ Ġieżu fil‑Belt Valletta

Waqt il-quddies f’jum id-Duluri, fl-omelija l-Arċisqof iffoka fuq il-mument meta minn fuq is-salib Ġesù jafda lil ommu lid-dixxiplu l-maħbub u jgħidlu: “Hawn hi ommok”. Bl-Isqof jisħaq li b’dil-frażi minbarra li qed jgħidlu biex jieħu ħsiebha, qed iħeġġu jidħol fl-“iskola ta’ Marija” u jitgħallem minnha.

Bl-istess mod aħna, f’dan il-jum, imħeġġin nitgħallmu mill-Madonna fosthom l-umiltà, l-ubbidjenza u li nkunu ta’ servizz għal ħaddieħor. Minnha wkoll “nitgħallmu ma naħarbux mit-tbatija imma nbiddluha fi mħabba”.

L-Arċisqof talab ukoll biex bl-interċessjoni tagħha “nilmħu lil min għandu bżonn l-għajnuna tagħna, nagħmlu li nistgħu” u li jkollna l-kuraġġ li l-għajnuna li noffru tkun verament ta’ ġid.

L-Arċisqof talab ukoll għall-ġenituri li qed jitilfu l-għeżież tagħhom minħabba l-gwerer fid-dinja. Ħsibijietu marru wkoll għal dawk “li qed jibku ’l uliedhom li mietu b’xi overdose tad-droga jew b’ċirkostanzi oħra – mad-dmugħ ta’ din il-mara taħt is-salib ta’ binha, naħsbu fid-dmugħ ta’ tant ommijiet u missirijiet għaliex l-imħabba kultant tissarraf f’niket u fl-hemm, imma tibqa’ mħabba.