Lokali

Raġel jinżamm taħt arrest wara li kien akkużat b’pussess ta’ droga

Raġel ta’ 36 sena nżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat b’pussess ta’ droga li allegatament ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Khaled Eddali, li huwa Libjan residenti l-Marsa, u li huwa impjegat fis-settur tal-kostruzzjoni kien mixli quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, b’pussess ta’ kannabis f’ċirkustanzi li ma kienux għall-użu personali tiegħu, kif ukoll ponn ta’ ħadid.

Kien akkużat ukoll li kkometa reati inqas minn mitt metru bogħod minn zona li normalment jiltaqgħu fiha ż-żgħażagħ.

Filwaqt li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti mhux biss ċaħdet din it-talba, iżda ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Wayne Bonello, filwaqt li d-difiża kienet rappreżentata mill-avukat tal-għajnuna legali Francois Dalli.