Joseph Zahra ta’ 43 sena residenti Birżebbuġa, tressaq il-Qorti akkużat bi 13-il akkuża fosthom stupru fuq mara li kienet tgħix f’open centre u li għamel atti sesswali fuq din il-mara mingħajr kunsens f’każ li seħħ f’Ħal Far. Fil-Qorti huwa r-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Skont il-prosekuzzjoni, Zahra stupraha lill-mara f’garaxx, fejn kien hemm ukoll xi klieb li kkawżawlha biża’. Aktar tard, jingħad li reġa’ avviċinaha u pprova jerġa’ jkollu relazzjoni intima magħha, iżda meta hija rrifjutat, allegatament taha daqqa f’ħalqha qabel ħalliha titlaq.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest, fost oħrajn minħabba biża’ ta’ tfixkil fil-provi u wkoll fid-dawl li l-imputat allegatament kiser żewġ digrieti ta’ ħelsien mill-arrest fil-passat.
Wara li semgħet l-argumenti miż-żewġ naħat, il-Qorti ppreseduta mill-maġistrat Claire Starfrace Zammit ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Barra minn hekk, inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-każ għadu għaddej quddiem il-Qorti.
//= $special ?>

