Futbol Sport

Wara li dam iddur mal-lewża, Jeff Strasser ammetta li l-fortuna għenet lil-Lussemburgu jirbħu

Jeff Strasser
Jeff Strasser

“Malta ħolqot aktar okkazzjonijiet ta’ skor mil-Lussemburgu, u f’darbtejn minnhom setgħu skorjaw. Aħna llum irnexxilna niskorjaw darbtejn, u naħseb il-fortuna llum kienet fuq in-naħa tagħna.” Dawn kienu l-ewwel kummenti tal-kowċ tal-Lussemburugu, Jeff Strasser li fil-konferenza stampa ta’ wara l-partita kontra Malta, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li sa fl-aħħar l-iskwadra li hu jmexxi, kisbet l-ewwel rebħa min mindu hu ħa t-tmexxija tat-tim nazzjonali tal-Lussemburgu f’idejħ.

Għal Strasser, din kienet is-seba’ partita tiegħu fit-tmum tat-tim, u fis-sitt partiti preċidenti l-Lussemburgu dejjem tilfu. Aktar minn hekk, ir-rebħa kontra Malta bl-iskor ta’ 2-0 fissret ukoll li wara ħames partiti konsekuttivi li matulhom, il-Lussemburgu tilfu iżda mhux biss, lanqas kienu kapaċi jiskorjaw, f’Ta’Qali reġgħu sabu x-xibka.

L-iskor ta’ 2-0 hu wieħed qarrieq, għaliex għalkemm il-Lussemburgu ma serqu xejn billi rebħu, daqstant ieħor Malta ma kienet se tisraq xejn kieku temmet il-logħba fi draw. Iżda ż-żewġ gowls skorjati minn Les Lions Rouges waslu fil-bidu u fl-aħħar tat-tieni taqsima, f’ċirkostanzi fejn approfittaw minn inċertezza fid-difiża Maltija u ħadu vantaġġ mil-fortuna, li wara kollox tilgħab parti mil-logħba ukoll.

Malta kellha ċ-ċansijiet tagħha u ma skorjatx, aħna konna kapaċi niskorjaw u jekk trid issejħilha fortuna, tista’ ukoll.– Jeff Strasser

“Fil-partiti preċidenti li lagħbna u tlifna, kien hemm drabi fejn ma kelnix fortuna, illum tista’ tgħid li kelna,” qal Strasser. Il-kummenti ta’ Strasser kienu xi ftit jew wisq kontradixenti, għaliex f’ħin minnhom irrifjuta li jgħid li kienet rebħa fejn il-fortuna lagħbet parti importanti, imbgħad meta din l-istess gazzetta kompliet tagħfsu u staqsietu jekk ir-riżultat ta’ 2-0 jistax jitqis bħala wieħed kiefer ma’ Malta, Strasser bidel il-verżjoni.

“M’huwiex xogħli li ngħid jekk dan ir-riżultat huwiex kiefer jew le. Malta kellha ċ-ċansijiet tagħha u ma skorjatx, aħna konna kapaċi niskorjaw u jekk trid issejħilha fortuna, tista’ ukoll.

Strasser saħaq li għalkemm it-tim rebaħ, xorta waħda il-prestazzjoni tal-Lussemburugu ma kienitx l-aqwa waħda u jistenna aħjar mill-plejers tiegħu.