Żagħżugħ ta’ 22 sena minn Ħal Qormi ingħata sentenza ta’ sena priġunerija wara li ammetta li saq b’mod perikoluż wara li ma obdiex ordnijiet tal-Pulizija.
Dan hekk kif quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo instema’ kif waqt spezzjoni tat-traffiku Ransdon Debono kompla jsuq wara li ngħata sinjal biex tieqaf.
Madanakollu minħabba li kien qiegħed isuq perikoluż, l-uffiċjali għażlu li ma jkomplux isegwuh biex jevitaw inċident. Aktar tard, il-vettura instabat abbandunata f’ġenb ta’ triq u aktar minn hekk irriżulta li l-karozza kienet għadha rreġistrata f’isem sid preċedenti minkejja li kienet inbigħet lil Debono madwar ġimgħatejn qabel il-każ.
Iż-żażgħżugħ ġie arrestat aktar tard meta mar l-għassa tal-pulizija sabiex jiffirma, skont kundizzjonijiet imposti fuqu f’każijiet oħra li kien diġà involut fihom.
Wara li ammetta l-akkużi, id-difiża talbet rapport ta’ presentencing. Madankollu, il-Qorti enfasizzat li dan ma kienx każ iżolat u rreferiet għall-passat kriminali tiegħu, waqt li qalet li hemm riskju reali li jerġa’ jwettaq reati simili.
Minbarra s-sentenza ta’ ħabs, il-Maġistrat imponiet ukoll multa ta’ kważi €7,000 u ordnat li Debono jiġi skwalifikat mis-sewqan għal perjodu ta’ sena u nofs.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Clive Abela.
//= $special ?>

