Lokali

“Bl-investiment meħtieġ pajjiżna jista’ jisfrutta niċeċ ekonomiċi ġodda bħal turiżmu sportiv” – Alex Borg

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“B’investiment meħtieġ fl-infrasstruttura, pajjiżna jista’ jiżviluppa niċeċ ekonomiċi ġodda bħall-sports tourism dan apparti li l-poplu Malti Għawdxi jkun jista’ jżomm attiv f’ħajtu.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg hekk kif is-Sibt filgħodu għamel żjara waqt l-avveniment sportiv tal-Hyrox – avveniment li qed jittella’ matul tmiem din il-ġimgħa u li huwa tip ta’ sport ferm intensiv.

Matul din iż-żjara l-organizzaturi tal-Hyrox ħadu lill-Alex Borg fil-gym li hemm fiz-zona fejn tkellem ma’ dawk preżenti li lkoll spjegawlu għalfejn daħlu għal din l-isfida kif ukoll spjegaw it-tip ta’ taħriġ li jagħmlu jum wara l-ieħor bil-għan li jkunu ppreparati għall-isfida.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Apparti minn hekk, il-Kap awgura wkoll lill-grupp ta’ parteċipanti li kienu għadhom ħa jibdew din l-isfida.

F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tkellem fuq l-importanza li jkun hawn l-investiment meħtieġ fl-infrastruttura sabiex pajjiżna jkun jista’ jisfrutta niċeċ ekonomiċi ġodda bħall-sports tourism.

Għaldaqstant, matul din iż-żjara l-organizzaturi spjegaw li l-Hyrox Challenge daħlet fis-sitt edizzjoni tagħha u li din id-darba kien hemm numru rekord ta’ parteċipanti hekk kif kien hemm ‘il fuq minn 1,100 atleta.

Din l-isfida tinkludi kategoriji varji b’parteċipanti ta’ kull età fejn hemm dawk li jikkompetu b’mod individwali kif ukoll dawk li jikkompetu b’tim ta’ żewġ persuni bit-tlielaq isiru kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. Il-Hyrox jinkludi numru ta’ eżerċizzji kkumbinat mal-ġiri.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Infatti l-Hyrox Challenge li bdiet matul il-jum tal-Ġimgħa se tiġi fi tmiemha matul il-jum tal-Ħadd.

Net News tkellem ukoll mal-Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta Kenneth Delia li qalilna li grazzi għall-attivitajiet bħal dawn Hospice Malta tkun tista tkompli toffri kura tal-aqwa kwalità lill-pazjenti – kura li tiġi pprovduta bla ħlas.

Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien akkumpanjat minn Sarah Bajada.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo