Lokali

Il-Kwareżimal: Biċ-ċikkulata u l-bajd jew le?

Bosta huma dawk li, fi żmien ir-Randan, jsumu minn xi ħelu bħala forma ta’ sagrifiċċju għal dan iż-żmien ta’ penitenza.

Ħelu tradizzjonali Malti li f’pajjiżna jittiekel ta’ spiss huwa l-kwareżimal – biskuttin magħmul bil-lewż, il-ħwawar u ċ-ċitru.

Il-kwareżimal huwa ħelu li faċli tagħmlu u li jġib ismu propju mill-kelma Taljana Quaresima, li tfisser l-40 jum tar-Randan.

Ir-riċetta tradizzjonali tinkludi z-zokkor, li għalkemm illum ħafna jżommu lura minnu waqt ir-Randan, fi żmien meta oriġina l-kwareżimal kien jitqies bħala ħwawar u mhux ingredjent li wieħed kellu jastjeni minnu.

Ir-riċetta tmur lura għaż-żmien tal-Kavallieri ta’ Malta, meta l-penitenza kienet issir billi ma jiġix ikkunsmat laħam u ikel li ġej mill-annimali, fosthom il-ħalib u l-bajd.

Net News tkellem ma’ Chef Wayne Cutajar, li sal-lum għadu jagħmel il-kwareżimal b’riċetta li ma tinkludix il-bajd.

Minn naħa l-oħra, bosta koki llum jagħmlu verżjonijiet li jinkludu l-bajd. Il-kok Anton B. Dougal spjega li s-sawm illum ma baqax jinkludi restrizzjonijiet fuq ingredjenti li ġejjin mill-annimali, fosthom il-bajd. Madankollu,b’differenza għal ħafna, hu jemmen li r-riċetta m’għandhiex tinkludi l-kukutina.

Fil-qofol tagħha, ir-riċetta tibqa’ bbażata fuq il-lewż inkaljat, il-ħwawar u ċ-ċitru. Xi wħud saħansitra jinkludu wkoll il-kukutina, iżda din tibqa’ għażla ta’ min ikun qed jaħmi, u żgur mhix ingredjent li tradizzjonalment jittiekel fi żmien ir-Randan.

Ikel ieħor li llum jittiekel l-aktar fil-Ġimgħa l-Kbira huwa l-karamelli tal-ħarrub, li oriġinarjament kienu jsiru mill-ġulepp tal-ħarrub. Imbagħad, f’Ħadd il-Għid, jinqasmu l-figolli u l-bajd taċ-ċikkulata.