Għawdex Lokali

“Il-PN determinat li juri li hu Gvern alternattiv b’saħħtu” – Alex Borg

“Il-Partit Nazzjonalista jinsab lest għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss dan filwaqt li determinati li nkomplu nuru li l-Partit Nazzjonalista huwa Gvern alternattiv b’saħħtu.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt laqgħa li saret is-Sibt waranofsinhar għall-Kumitati tal-Partit Nazzjonalista fis-Sub Headquarters tas-Sannat Għawdex fejn tkellem dwar il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista hekk kif l-elezzjoni ġenerali tinsab fil-qrib.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Waqt id-diskors tiegħu, Alex Borg tkellem dwar l-importanza ta’ Għawdex u l-bżonn li jkun hawn titjieb fil-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer. Dan apparti li fakkar li l-gżira Għawdxija dejjem kienet prijorità għall-Gvern Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista jibni sptar ġdid f’Għawdex – xi ħaġa li wiegħed Gvern Laburista snin ilu iżda din il-wegħda baqgħet fuq l-ixkaffa.

Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello spjega l-irwol importanti tal-Kandidati kif ukoll tal-Kumitati Sezzjonali hekk kif l-elezzjoni ġenerali tinsab eqreb ma kull jum li jgħaddi.

Apparti minn hekk, Charles Bonello saħaq fuq l-importanza li l-ħidma tkompli għaddejja sabiex il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista jibqa’ jasal għand il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Intant, matul din il-laqgħa saret ukoll preżentazzjoni mill-Campaign Manager Simon Vella Gregory li spjega x’se tinvolvi l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex waqt il-kampanja elettorali.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo