Edukazzjoni Lokali

Il-PN jifraħ lill-Professur Frank Bezzina għall-ħatra tiegħu bħala r-Rettur il-ġdid tal-Università ta’ Malta

Jirringrazzja lill-Professur Alfred J Vella tas-servizz tiegħu f’din il-kariga matul dawn l-aħħar 10 snin

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-Professur Frank Bezzina għall-ħatra tiegħu bħala t-82 Rettur tal-Università ta’ Malta, filwaqt li jirringrazzja lill-Professur Alfred J Vella li serva f’din il-kariga tul dawn l-aħħar 10 snin.

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister Justin Schembri ngħad li l-PN jirrikonoxxi l-esperjenza twila u vasta tal-Professur Bezzina u jinnota s-servizz li diġà ta f’diversi karigi importanti fi ħdan l-Università, fosthom bħala Pro-Rettur, u għaldaqstant iħares ’il quddiem b’ottimiżmu lejn ir-Rettorat tiegħu fis-snin li ġejjin. Il-PN huwa fiduċjuż li taħt it-tmexxija tiegħu l-Università se tkompli tikber u tissaħħaħ hi u tagħmel l-avvanzi meħtieġa fid-dinja akkademika tal-lum.

Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-Professur Alfred J Vella għas-servizz twil u dedikat tiegħu bħala Rettur. Matul il-mandat tiegħu, il-Professur Vella mexxa lill-Università f’perjodi ta’ sfida u bidla, inkluż it-tisħiħ fil-qasam tar-riċerka, u l-investiment infrastrutturali. Il-kontribut tiegħu jibqa’ wieħed importanti fl-iżvilupp kontinwu tal-aktar istituzzjoni edukattiva importanti fil-pajjiż.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fl-investiment bla preċedent fl-Università ta’ Malta, għax jikkunsidraha bħala pilastru ewlieni tal-iżvilupp akkademiku u ekonomiku tal-pajjiż. Minkejja l-progress li sar, għad hemm ħafna xi jsir biex l-Università ttejjeb il-governanza, tnaqqas il-burokrazija interna, tavvanza l-istatus Ewropew biex tibqa’ kompetittiva fuq livell internazzjonali, tinvesti f’aktar riżorsi – inklużi dawk għal-librerija tagħha, issaħħaħ l-operat finanzjarju, tirrikonoxxi aktar il-kundizzjonijiet tal-istudenti u tal-akkademiċi, iżżid l-investiment fir-riċerka u tikkollabora aktar ma’ universitajiet barranin imma wkoll ma’ istituzzjonijiet edukattivi Maltin fosthom kollaborazzjoni akbar mal-MCAST.

F’dan il-kuntest, il-Partit Nazzjonalista jħares ’il quddiem biex jara aktar riformi u inizjattivi li jkomplu jsaħħu t-tmexxija tal-Università taħt ir-Rettorat tal-Professur Bezzina, filwaqt li jkun assigurat li l-Università ta’ Malta tibqa’ istituzzjoni ta’ eċċellenza, miftuħa għal kulħadd u li twassal għal opportunitajiet aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri. Fl-istess waqt, il-PN jappella lill-Gvern biex mill-ġdid jibda d-diskussjonijiet dwar il-Liġi tal-Università li baqgħet qatt ma tmexxiet aktar ’il quddiem – liġi li permezz tagħha l-Università ta’ Malta tavvanza ’l quddiem anke mill-aspett leġiżlattiv u ta’ governanza.

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-Professur Bezzina u joffrilu l-kollaborazzjoni sħiħa tiegħu għall-ġid tal-qasam akkademiku Malti.