Lokali

Memorandum ta’ qbil iffirmat bejn il-Konferenza Episkopali Maltija, il-Kummissjoni tal-Patrimonju Kulturali Kattoliku u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali

Il-Konferenza Episkopali Maltija, il-Kummissjoni tal-Patrimonju Kulturali Kattoliku u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ffirmaw memorandum ta’ qbil nhar it-Tnejn 23 ta’ Marzu 2026. Dan il-ftehim storiku jiċċara l-mandati rispettivi tal-Kummissjoni u tas-Sovrintendenza fir-regolamentazzjoni tal-wirt ekkleżjastiku fil-qafas tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (Kap. 445).


Il-patrimonju kopert minn dan il-ftehim jinkludi l-beni kulturali kollha li huma tal-Knisja jew li huma destinati għaliha jew jintużaw minnha. Dawn jinkludu knejjes, kappelli u artefatti reliġjużi mobbli. Dan il-ftehim isaħħaħ il-ħarsien tal-wirt ekkleżjastiku billi jiżgura li l-Kummissjoni u s-Sovrintendenza jikkollaboraw b’mod effettiv u konsistenti biex titwettaq din ir-responsabbiltà.


L-ispirtu tal-ftehim għalhekk hu msejjes fuq komunikazzjoni attiva u l-istess fehim bejn il-partijiet kollha li l-beni kulturali Kattoliċi jikkonsistu f’artefatti ħajjin. Huma jikkonfermaw ukoll l-impenn komuni biex jipproteġu dan il-wirt b’mod tanġibbli u intanġibbli ħalli jiżguraw li l-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jkunu jistgħu jkomplu japprezzawh u japprofondixxu l-valuri spiritwali tagħhom permezz ta’ dan il-wirt
kulturali imprezzabbli.