Lokali

NIŻVELAW: Il-Labour fl-oppożizzjoni kien favur li l-VAT tonqos għal 5%, meta llum qed jitkellem kontra tnaqqis

Il-fatti huma ċari: dak li llum qed ikun miċħud, ilbieraħ kien qed jiġi promoss.

Filwaqt li llum il-Partit Labutista fil-Gvern qed jattakka b’qawwa l-proposta ta’ Alex Borg biex il-VAT fuq ir-restoranti tinżel minn 18% għal 7%, il-fatti juru li meta kien fl-oppożizzjoni, il-Labour kien qed jimbotta politika saħansitra aktar radikali.

Bejn l-2008 u l-2013, taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat bħala Kap tal-Oppożizzjoni, il-Partit Laburista kien favur tnaqqis sostanzjali tal-VAT fuq ir-restoranti u l-catering.

Fil-fatt, rapporti kontemporanji juru li kien hemm proposta ċara biex il-VAT fuq ir-restoranti tinżel minn 18% għal 5% – proposta li kienet preżentata bħala miżura ta’ stimolu ekonomiku.

Joseph Muscat kien iddikjara b’mod ċar li l-Partit Laburista kien jaqbel ma’ tnaqqis tal-VAT fuq ir-restoranti bħala mezz biex tingħata spinta lis-settur turistiku u lill-ekonomija Maltija.

Illum, madankollu, l-istess Partit Laburista qed jopponi proposta aktar moderata – tnaqqis għal 7% – u qed jargumenta kontra miżura li darba kien jaraha bħala essenzjali għall-kompetittività u għat-tnaqqis tal-għoli tal-ħajja.

Din il-bidla drastika fil-pożizzjoni Laburista tqajjem mistoqsijiet serji dwar il-kredibbiltà u l-konsistenza politika: kif jista’ partit li kien jimbotta b’tant saħħa VAT ta’ 5 fil-mija fuq ir-restoranti, illum jiddikjara li tnaqqis ta’ 7 fil-mija hu inaċċettabbli?