Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument
L-EWWEL ĠEBLA TAL-BELT VALLETTA
It-28 ta’ Marzu 1566 hi waħda mill-ġranet tabilħaqq sinifikanti fl-istorja ta’ Malta: it-tqegħid tal-ewwel ġebla ta’ dik li kellha ssir il-kapitali ta’ pajjiżna – il-Belt Valletta. Dak l-att simboliku seħħ fil-post magħruf bħala l-Għolja Xiberras, sit strateġiku li sa dak iż-żmien kien kwazi għeri iżda li fi ftit snin kellu jinbidel f’waħda mill-aktar bliet fortifikati fl-Ewropa.
Iċ-ċerimonja uffiċjali kienet immexxija mill-Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann, Jean Parisot de Valette, l-istess mexxej li sena biss qabel kien mexxa r-reżistenza erojka kontra l-Imperu Ottoman fl-Assedju l-Kbir tal-1565.
Preżenti għal dik l-okkażjoni storika kien hemm l-ogħla mexxejja tal-Knisja ta’ Malta, il-Kavallieri tal-Ordni u rappreżentanti oħrajn ta’ awtoritajiet lokali, li flimkien kienu xhieda tal-bidu ta’ kapitlu ġdid għal Malta.
Għal ħafna żmien kien maħsub li l-ewwel ġebla tqiegħdet fil-pedamenti tal-knisja dedikata lill-Madonna tar-Rebħa, illum magħrufa bħala l-Knisja tal-Vitorja, l-ewwel binja tal-belt il-ġdida. L-għażla tal-isem ta’ din il-knisja ma kinetx waħda każwali. Kienet att ta’ radd ta’ ħajr għar-rebħa kontra l-Ottomani u sinjal ċar tal-fidi li dderiġiet lill-Ordni f’dak iż-żmien diffiċli għaliha.
Madankollu, ftit taż-żmien ilu tfaċċa ħjiel affidabbli dwar fejn tpoġġiet l-ewwel ġebla. Skont din il-verżjoni, l-ewwel ġebla tpoġġiet fl-inħawi tal-Bastjun ta’ San Ġwann il-Battista, fuq ix-xellug int u dieħel il-Belt Valletta.
Wara esperjenza trawmatika
Il-bini tal-belt il-ġdida kien frott dirett tal-esperjenza trawmatika tal-Assedju l-Kbir. Għalkemm l-Ordni kienet ħarġet rebbieħa, kien ċar li l-fortifikazzjoni eżistenti tal-Birgu u tal-Isla ma kinux biżżejjed biex jiggarantixxu sigurtà fit-tul. Għaldaqstant ittieħdet id-deċiżjoni kuraġ-ġuża li tinbena belt kompletament ġdida, ippjanata skont l-aktar prinċipji moderni ta’ inġinerija militari, li tkun kapaċi tiddefendi l-Port il-Kbir u tafferma l-preżenza tal-Ordni fil-Mediterran.
Il-Belt Valletta ma kinetx biss proġett ta’ difiża iżda wkoll dikjarazzjoni politika u kulturali. Il-ġebla li tqiegħdet f’Marzu tal-1566 ma kinetx biss pedament fiżiku iżda simbolu ta’ reżiljenza, viżjoni u tama – pedament li fuqu, 460 sena wara, għadha tistrieħ il-belt li tgħaqqad il-passat glorjuż ta’ Malta mal-preżent tagħha.
Belt ta’ prestiġju kulturali u artistiku
Mill-bidu nett tagħha, il-Belt Valletta kienet maħsuba mhux biss bħala fortizza militari iżda wkoll bħala belt ta’ prestiġju kulturali u artistiku. Din ir-realtà kienet rikonoxxuta fuq livell internazzjonali fl-1980 meta l-Belt Valletta kienet inkluża fil-Lista ta’ Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO, rikonoxximent tal-valur universali eċċezzjonali tagħha bħala belt ippjanata, mimlija monumenti storiċi u arkitettoniċi ta’ livell għoli. Diġà fis-seklu sittax, taħt l-Ordni ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta kienet ċentru vibranti ta’ arti, mużika, skultura u arkitettura. Il-palazzi tal-Kavallieri, il-knejjes, il-kwartieri militari u l-bini ċivili kienu kollha mfassla biex jirriflettu setgħa, ordni u raffinatezza kulturali. Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, bil-kobor u l-ġmiel tiegħu, baqa’ sal-lum xhieda ċentrali ta’ din il-viżjoni artistika.
Matul is-sekli, minkejja bidliet politiċi u soċjali, il-Belt Valletta żammet ir-rwol tagħha bħala ċentru kulturali ewlieni. Madankollu, lejn l-aħħar tas-seklu għoxrin, kien ċar li l-Belt kellha bżonn interventi serji ta’ konservazzjoni, riġenerazzjoni, riabilitazzjoni. Pass kruċjali f’din id-direzzjoni kien meta twaqqif il-Valletta Rehabilitation Committee fl-1987 – b’Ray Bondin bħala l-ewwel Chairman – li kellu l-missjoni li jirrestawra, jirriġenera u jerġa’ jqajjem il-qalba urbana tal-Belt.
Fuq linji simili, fil-bidu tas-snin elfejn, kienet stabbilita l-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, entità bejn il-Gvern u l-Knisja Maltija, dedikata għall-konservazzjoni, restawr, u t-tmexxija professjonali ta’ wieħed mill-aktar monumenti artistiċi importanti f’pajjiżna. Din il-Fondazzjoni assigurat li l-wirt artistiku ta’ San Ġwann ikun protett u aċċessibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri. U mal-Valletta Rehabilitation Committee u l-Fondazzjoni tal-Konkatidral nistgħu nsemmu miżura oħra kruċjali għall-Belt Valletta minn gvernijiet Nazzjonalisti: it-twelid tal-Kunsill Lokali tal-lokalità, stabbilit f’Novembru 1993, u li mexxa ’l quddiem l-amministrazzjoni ġenerali b’tant dedikazzjoni.
F’dawn l-aħħar snin, inizjattivi oħra komplew isaħħu l-identità kulturali tal-Belt fosthom meta fl-2018 il-Belt Valletta kienet il-Kapitali Ewropea Kulturali… frott ieħor ta’ Gvern Nazzjonalista.
B’hekk, 460 sena wara t-tqegħid tal-ewwel ġebla tagħha, il-Belt Valletta tibqa’ belt fejn il-wirt storiku u l-kreattività moderna jkomplu jiltaqgħu b’mod dinamiku.
IL-PROTAGONISTI EWLENIN FIL-BINI TAL-BELT VALLETTA
Jean Parisot de Valette
■ Il-Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann u l-moħħ politiku wara d-deċiżjoni li tinbena belt ġdida. Wara l-Assedju l-Kbir tal-1565, insista li l-Għolja Xiberras tinbidel f’belt fortifikata moderna. Hu mexxa personalment iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-ewwel ġebla fit-28 ta’ Marzu 1566. Il-belt ingħatat ismu bħala rikonoxximent tal-viżjoni u t-tmexxija tiegħu. Miet qabel ma ra l-proġett jitlesta iżda jibqa’ l-fundatur ‘morali spiritwali’ tal-Belt Valletta.
Francesco Laparelli da Cortona
■ Inġinier militari Taljan magħżul biex jiddisinja l-belt il-ġdida. Hu ħoloq pjanta urbanistika innovattiva b’sistema ta’ ‘grilja’ u fortifikazzjonijiet avvanzati. Laparelli ddefinixxa s-swar, il-bastjuni u d-difiżi li għamlu lill-Belt Valletta invinċibbli. Ħadem taħt pressjoni kbira biex il-belt tinbena malajr u b’mod effiċjenti. It-tluq tiegħu minn Malta fl-1569 ma naqqasx mill-importanza fundamentali tad-disinn tiegħu.
Girolamo Cassar
■ Perit Malti u l-assistent ewlieni ta’ Laparelli. Wara t-tluq tal-perit Taljan, Cassar ħa f’idejh it-tmexxija tax-xogħlijiet. Hu ddisinja l-aktar binjiet emblematiċi tal-Belt Valletta, fosthom il-Konkatidral ta’ San Ġwann. Cassar irnexxielu jagħti identità arkitettonika unika lill-belt il-ġdida. Il-kontribut tiegħu wassal biex il-belt il-ġdida ssir mhux biss fortizza iżda wkoll belt ta’ sbuħija monumentali.
Il-Papa Piju V
■ Dan il-Papa kien alleat qawwi tal-Ordni ta’ San Ġwann wara l-Assedju l-Kbir. Hu pprovda appoġġ finanzjarju u morali biex seta’ jinbeda l-bini tal-belt il-ġdida u fiha kien jara simbolu formidabbli fid-difiża tal-Kristjaneżmu fil-Mediterran. Ħeġġeġ irjali Ewropej oħra biex jgħinu fil-proġett. L-appoġġ papali kien kruċjali, anzi determinanti, biex il-bini jibda u jkompli mingħajr interruzzjoni.
Filippu II ta’ Spanja
■ Re qawwi tal-Ewropa u protettur ewlieni tal-Ordni ta’ San Ġwann. Hu għamel kontribuzzjonijiet kemm finanzjarji kif ukoll loġistiċi għall-bini tal-Belt Valletta. Appoġġja l-bini tal-belt il-ġdida biex tkun bastjun formidabbli kontra l-espansjoni Ottomana. L-interess tiegħu f’Malta kien strateġiku u politiku. L-għajnuna Spanjola ppermettiet li l-proġett jimxi b’ritmu mgħaġġel.
Jean de la Cassiere
■ Dan kien is-suċċessur ta’ de Valette bħala Gran Mastru. Hu ssorvelja l-aħħar fażijiet tal-bini inizjali tal-Belt. Taħt it-tmexxija tiegħu, l-Ordni ttrasferiet uffiċjalment is-sede tagħha mill-Birgu għall-belt il-ġdida fl-1571. Il-kontribut tiegħu

Aspetti interessanti fl-istorja u l-identità tal-Belt Valletta
■ Belt ippjanata minn fuq għal isfel. Waħda mill-ewwel bliet fl-Ewropa mibnija skont pjan urbanistiku sħiħ, b’toroq dritti, ventilazzjoni naturali u sistema ta’ drenaġġ.
■ Il-belt tan-nazzjonijiet (Langues). Il-Kavallieri ta’ San Ġwann organizzaw il-belt skont il-Langues, li ħallew warajhom Bereġ (auberges) monumentali li għadhom sal-lum jagħtu karattru internazzjonali lill-kapitali Maltija.
■ Il-Port il-Kbir bħala estensjoni tal-Belt. Is-suċċess u l-iżvilupp tal-Belt kienu dejjem marbuta mill-qrib mar-rwol strateġiku u ekonomiku tal-Port il-Kbir.
■ Ċentru ta’ amministrazzjoni u ġustizzja. Matul sekli sħaħ, din il-belt kienet is-sede tal-Gvern, tal-awtorità ċentrali, u għalhekk il-post fejn inħmew deċiżjonijiet nazzjonali.
■ Aktar minn belt kapitali, hi saret simbolu tal-identità nazzjonali, tal-ġlieda għad-drittijiet, u tar-reżiljenza kattolika.
■ L-isfida ewlenija tal-Belt Valletta llum tibqa’ dik li żżomm il-wirt storiku tagħha ħaj filwaqt li tibqa’ belt li tiffunzjona u, vibranti, ukoll.
Mumenti deċiżivi
■ 28 ta’ Marzu 1566: Titqiegħed l-ewwel ġebla tal-belt il-ġdida.
■ 1571:Tibda tiffunzjona bħala l-Kapitali tal-Ordni ta’ San Ġwann u ta’ Malta.
■ 1577: Jitlesta l-bini tas-swar prinċipali u l-Belt tibda tkun kunsidrata waħda mill-aktar fortizzi b’saħħithom fl-Ewropa.
■ 1798: Napuljun Bonaparti jasal Malta, jidħol il-Belt u tintemm il-ħakma tal-Ordni wara kważi tliet sekli.
■ 1800: Il-Belt Valletta tiġi taħt il-protezzjoni Britannika wara l-imblokk Franċiż.
■ 1814: Bit-Trattat ta’ Pariġi, Malta ssir formalment kolonja Ingliża bil-Belt Valletta tibqa’ ċ-ċentru amministrattiv u militari.
■ 7 ta’ Ġunju 1919: Dimos-tazzjonijiet kontra l-għoli tal-ħajja jwasslu għall-mewt ta’ erba’ Maltin. Dan l-avveniment jitqies bħala punt kruċjali li fetaħ it-triq għall-ewwel self-government fl-1921.
■ 1940-42: Il-Belt tbati ħsarat kbar fit-Tieni Gwerra Dinjija.
■ 15 ta’ April 1942: Ir-Re Ġorġ V jagħti l-George Cross lil Malta bil-preżentazzjoni ssir aktar tard fil-Pjazza tal-Palazz.
■ 21 ta’ Settembru 1964: Malta ssir stat Indipendenti u fil-Belt isiru għadd ta’ avvenimenti f’dik l-okkażjoni unika.
■ 13 ta’ Diċembru 1974: Malta dikjarata Repubblika, fil-Parlament, fil-Palazz.
■ 1980: Valletta rikonoxxuta bħala sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO
■ 1987: Il-bidu tal-Valletta Rehabilitation Committee; bidu ta’ fażi ġdida ta’ konservazzjoni urbana.
■ 2012: L-Unjoni Ewropa tagħżel lill-Belt Valletta biex fl-2018 tkun il-Belt Ewropea tal-Kultura.
Mill-Assedju sat-tlestija tal-belt il-ġdida
■ 18 ta’ Mejju – 8 ta’ Settembru 1565: L-Assedju l-Kbir ta’ Malta li matulu l-Ordni ta’ San Ġwann, immexxi mill-Gran Mastru de Valette, irreżista attakk massiċċ tal-Imperu Ottoman.
■ Settembru 1565: Wara r-rebħa sar evidenti li kien jeħtieġ belt ġdida ta’ fortifikazzjonijiet li jiddefendu tajjeb il-Port il-Kbir u l-gżejjer Maltin.
■ Diċembru 1565: Il-Papa Piju V, flimkien ma’ diversi familji rjali Ewropej, joffri appoġġ finanzjarju u politiku għall-bini ta’ belt ġdida.
■ Jannar 1566: L-Inġinier militari Taljan Francesco Laparelli minn Cortona, alliev ta’ Michelangelo, jinħatar biex jiddisinja l-pjanta tal-belt.
■ 28 ta’ Marzu 1566: Tqegħid uffiċjali tal-ewwel ġebla tal-Belt Valletta mill-Gran Mastru de Valette fuq l-Għolja Xiberras, u tinbena l-Knisja tal-Vitorja.
■ 1566-1568: Jinbdew ix-xogħlijiet fuq is-swar prinċipali, il-bastjuni u t-toroq skont pjanta bi grilja innovattiva.
■ 21 ta’ Awwissu 1568: Imut il-Gran Mastru mingħajr ma ra l-Belt lesta… jindifen fil-knisja tal-Vitorja u, aktar tard, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.
■ 1569: Girolamo Cassar, perit Malti, jieħu t-tmexxija tax-xogħlijiet u jagħti bidu għall-bini ċivili u reliġjuż ewlenin.
■ 1571: L-Ordni ta’ San Ġwann jittrasferixxi s-sede uffiċjali tiegħu mill-Birgu għall-belt il-ġdida u b’hekk din il-belt tibda tiffunzjona bħala kapitali de facto.
■ 18 ta’ Marzu 1571: Valletta tkun inawgurata uffiċjalment bħala l-belt kapitali tal-Ordni ta’ San Ġwann u ta’ Malta.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tats-Sibt 28 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

