Opinjoni

Opinjoni: L-impatt tal-gwerra bejn l-Istati Uniti u l-Iran fuq is-suq globali taż-żejt

William Vella
Membru tal-Eżekuttiv PN
Segretarju FPPN

Il-konflitt riċenti bejn l-Istati Uniti u l-Iran qed jitqies minn ħafna analisti bħala wieħed mill-aktar żviluppi sinifikanti fis-suq globali tal-enerġija f’dawn l-aħħar snin.
Skont kummenti magħmula mis-CEO ta’ Chevron waqt konferenza internazzjonali dwar l-enerġija f’Houston, dan il-kunflitt diġà qed iħalli impatt akbar fuq is-swieq taż-żejt u tal-gass milli kellha l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Din hija dikjarazzjoni qawwija li turi kemm is-sitwazzjoni hija delikata u kumplessa, u li l-ekonomija globali tibqa’ marbuta mill-qrib ma’ żviluppi ġeopolitiċi.
Wieħed mill-akbar tħassib jibqa’ l-Istrett ta’ Hormuz, passaġġ strateġiku li minnu jgħaddi proporzjon sinifikanti tal-provvista globali taż-żejt. Dan ir-reġjun ilu għal snin twal jitqies bħala punt sensittiv ħafna, u kull tensjoni militari tista’ twassal għal konsegwenzi immedjati.
Kwalunkwe disturb f’dan il-punt jista’ jkollu impatt dirett fuq il-prezzijiet globali tal-enerġija u fuq il-kunfidenza tas-swieq. Anki jekk ir-rotta terġa’ tiftaħ kompletament, il-katina tal-provvista mhux se tirkupra malajr. Il-bini mill-ġdid tal-istokkijiet, il-ġestjoni tal-loġistika u r-ristabbiliment tal-kummerċ jieħdu żmien, u dan kollu joħloq inċertezza kbira.

Pressjoni qawwija nfuq diversi pajjiżi
Fil-preżent, hemm indikazzjonijiet ċari li ammont sostanzjali ta’ żejt u gass mhux qed jasal fis-suq globali. Dan qed joħloq pressjoni qawwija fuq diversi pajjiżi, b’mod partikolari fl-Asja, fejn qed jinħass nuqqas ta’ prodotti essenzjali bħad-diesel u fuel għall-avjazzjoni. Dan jista’ jwassal għal żieda fil-prezzijiet tat-trasport, li mbagħad tgħaddi direttament lill-konsumaturi.
Barra minn hekk, jista’ jkollu effetti indiretti fuq il-prezzijiet tal-ikel u fuq setturi ekonomiċi oħra li jiddependu fuq enerġija affordabbli. Il-kunflitt qed jolqot ukoll il-provvista ta’ LNG, fertilizzanti u prodotti oħra relatati mal-enerġija, li huma kruċjali għall-industrija u l-agrikoltura, u li jistgħu jkomplu jżidu l-inflazzjoni globali.
Sfida oħra importanti hija n-nuqqas ta’ ċertezza dwar il-produzzjoni. Għadu mhux magħruf b’mod ċar kemm faċilitajiet ġew affettwati jew kemm ċerta produzzjoni twaqqfet għalkollox.
Din l-inċertezza qed iżżid il-volatilità fis-suq u qed tagħmilha diffiċli għall-investituri, kumpaniji u gvernijiet biex jippjanaw għall-futur qarib. F’sitwazzjoni bħal din, anki spekulazzjoni tista’ tħalli effett fuq il-prezzijiet.

Il-livelli tal-produzzjoni
Madankollu, uffiċjali Amerikani qed jargumentaw li dawn id-disturbi jistgħu jkunu temporanji. Skonthom, iż-żieda fil-prezzijiet tista’ sservi bħala sinjal lis-suq globali biex produtturi oħra jżidu l-produzzjoni tagħhom u jibbilanċjaw il-provvista. Minkejja dan, il-proċess biex jiżdiedu l-livelli tal-produzzjoni mhux immedjat u jiddependi fuq investiment u kapaċità infrastrutturali.
Mill-perspettiva tiegħi, din is-sitwazzjoni turi kemm Malta u l-Ewropa jibqgħu vulnerabbli għal xokkijiet esterni fis-suq tal-enerġija. Il-pożizzjoni li spiss jieħu l-Partit Nazzjonalista tiffoka fuq il-ħtieġa ta’ aktar sigurtà fl-enerġija, diversifikazzjoni tas-sorsi u inqas dipendenza fuq reġjuni instabbli.
Nemmen li din il-kriżi tikkonferma li pajjiżi żgħar bħal Malta għandhom jinvestu aktar f’sorsi alternattivi u sostenibbli tal-enerġija, kif ukoll f’infrastruttura li tnaqqas ir-riskju ta’ interruzzjonijiet fil-provvista.

L-effetti ta’ kunflitti internazzjonali fuqiċ-ċittadini
Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ politika aktar proattiva fuq livell Ewropew biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn kunflitti internazzjonali jkollhom impatt dirett u immedjat fuq il-ħajja taċ-ċittadini.
Fl-aħħar mill-aħħar, din mhijiex biss kwistjoni ekonomika iżda wkoll waħda strateġika u ta’ sigurtà nazzjonali, u għandha tkun trattata bħala prijorità fit-tfassil tal-politika futura.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tas-Sibt 28 ta’ Marzu, 2026.